Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU ĦDAX

Baqa’ Jgħasses u Jistenna

Baqa’ Jgħasses u Jistenna

1, 2. Elija ffaċċja liema biċċa xogħol xejn pjaċevoli, u Elija b’liema modi kien differenti minn Aħab?

ELIJA xxennaq li jkun waħdu maʼ Missieru tas-​sema. Imma n-​nies li kien hemm fir-​rassa taʼ madwaru kienu għadhom kif raw lil dan il-​profeta veru jsejjaħ nar mis-​sema, u ħafna minnhom bla dubju kienu ħerqanin biex jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu. Qabel ma Elija setaʼ jitlaʼ fuq l-​għoljiet tal-​Muntanja Karmel u javviċina lil Alla Ġeħova b’talba f’qalbu, hu ffaċċja biċċa xogħol xejn pjaċevoli. Kellu jkellem lis-​Sultan Aħab.

2 Iż-​żewġt irġiel kienu differenti għalkollox. Aħab, li kien jilbes ilbies fin irjali, kien apostata, rgħib, u malajr kien jiġi influwenzat minn ħaddieħor biex jagħmel il-​ħażin. Elija kien jilbes il-​libsa uffiċjali taʼ profeta—libsa sempliċi li setgħet kienet magħmula mill-​ġilda tal-​annimali jew mix-​xagħar minsuġ tal-​ġemel jew tal-​mogħża. Kien raġel taʼ qlubija, integrità, u fidi liema bħalhom. Il-​jum li issa kien qed jiġi fi tmiemu kien irrivela ħafna affarijiet dwar il-​karattru taʼ kull wieħed mill-​irġiel.

3, 4. (a) Għala kienet ġurnata ħażina għal Aħab u għal aduraturi oħrajn taʼ Bagħal? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

3 Kienet ġurnata ħażina għal Aħab u għal aduraturi oħrajn taʼ Bagħal. Ir-​reliġjon pagana li Aħab u martu, is-​Sultana Ġeżabel, kienu jħaddnu fis-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet kienet ħadet tisbita kerha. Bagħal kien ġie mikxuf bħala alla falz. Dan l-​alla bla ħajja ma kienx irnexxielu jixgħel sempliċi nar bħala tweġiba għat-​talb bil-​ħrara, iż-​żfin, u r-​ritwali mdemmijin tal-​profeti tiegħu. Bagħal kien naqas li jipproteġi lil dawk l-​450 raġel mill-​qtil tant mistħoqq. Imma l-​alla falz kien naqas f’xi ħaġ’oħra. Għal iktar minn tliet snin, il-​profeti taʼ Bagħal kienu talbu lill-​alla tagħhom bil-​ħniena biex itemm in-​nixfa li kienet qed tifni l-​art, imma Bagħal kien wera li ma kienx kapaċi jagħmel dan. Ġeħova malajr kien se juri li hu l-​Alla suprem billi jtemm in-​nixfa.—1 Slat. 16:30–17:1; 18:1-​40.

4 Iżda Ġeħova meta kien se jaġixxi? Elija kif kien se jġib ruħu sadattant? U x’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​raġel taʼ fidi? Ejja naraw hekk kif neżaminaw ir-​rakkont.—Aqra l-​1 Slaten 18:41-​46.

Baqaʼ Jitlob Bla Heda

5. Elija x’qallu biex jagħmel lil Aħab, u jidher li Aħab tgħallem xi ħaġa mill-​ġrajjiet tal-​ġurnata?

5 Elija avviċina lil Aħab u qallu: “Itlaʼ, kul u ixrob; għax jinstemaʼ jidwi l-​ħoss taʼ xita bil-​qliel.” Kien dan is-​sultan mill-​agħar tgħallem xi ħaġa mill-​ġrajjiet tal-​ġurnata? Ir-​rakkont ma jgħidx b’mod speċifiku, imma hawnhekk ma naraw ebda kliem taʼ ndiema u ebda talba biex il-​profeta jgħinu javviċina lil Ġeħova u jitlob maħfra. Le, Aħab sempliċement “telaʼ jiekol u jixrob.” (1 Slat. 18:41, 42) Xi ngħidu għal Elija?

6, 7. Elija għal xiex talab, u għala?

6 “U Elija telaʼ fuq il-​quċċata tal-​Karmel u niżel kobba maʼ l-​art u żamm wiċċu bejn irkopptejh.” Filwaqt li Aħab mar jimla żaqqu, Elija kellu opportunità li jitlob lil Missieru tas-​sema. Innota l-​pożizzjoni taʼ umiltà deskritta hawnhekk—Elija kien mal-​art b’rasu tant baxxuta li wiċċu kien qed imiss maʼ rkopptejh. Elija x’kien qed jagħmel? Il-​Bibbja f’​Ġakbu 5:18 tgħidilna li Elija talab biex tintemm in-​nixfa. X’aktarx li kien qed jagħmel din it-​talba fuq il-​quċċata tal-​Karmel.

It-talb taʼ Elija rrifletta x-xewqa ħerqana tiegħu li r-rieda t’Alla jaraha titwettaq ir-rieda t’Alla

7 Iktar kmieni, Ġeħova kien qal: “Jien determinat li nibgħat ix-​xita fuq wiċċ l-​art.” (1 Slat. 18:1) Għalhekk, Elija talab biex jitwettaq l-​iskop taʼ Ġeħova, bħalma Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu madwar elf sena wara.—Mt. 6:9, 10.

8. L-​eżempju t’Elija x’jgħallimna dwar it-​talb?

8 L-​eżempju t’Elija jgħallimna ħafna dwar it-​talb. L-​ewwel u qabel kollox, Elija kellu f’moħħu t-​twettiq tar-​rieda t’Alla. Meta nitolbu, ikun tajjeb li niftakru li “kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu [t’Alla], hu jismagħna.” (1 Ġw. 5:14) Mela, b’mod ċar irridu nkunu nafu x’inhi r-​rieda t’Alla sabiex nitolbu b’mod aċċettabbli—raġuni tajba biex nagħmlu l-​istudju tal-​Bibbja parti mill-​ħajja tagħna taʼ kuljum. Żgur li anki Elija ried jara tmiem għan-​nixfa minħabba t-​tbatija kollha fost in-​nies t’art twelidu. X’aktarx li qalbu kienet mimlija gratitudni wara l-​miraklu li kien ra lil Ġeħova jwettaq dakinhar stess. Bl-​istess mod, aħna rridu li t-​talb tagħna jirrifletti gratitudni mill-​qalb u tħassib għall-​benesseri t’oħrajn.—Aqra t-​2 Korintin 1:11; Filippin 4:6.

Fiduċjuż u Qagħad Għassa

9. Elija x’qallu jagħmel lill-​qaddej tiegħu, u liema żewġ kwalitajiet se nikkunsidraw?

9 Elija kien ċert li Ġeħova kien se jaġixxi biex itemm in-​nixfa, imma ma kienx ċert meta Ġeħova kien se jaġixxi. Mela, il-​profeta x’għamel sadanittant? Innota x’jgħid ir-​rakkont: “Imbagħad qal lill-​qaddej tiegħu: ‘Itlaʼ, jekk jogħġbok, u ħares lejn id-​direzzjoni tal-​baħar.’ Għalhekk, dak telaʼ u ħares u mbagħad qal: ‘M’hemm xejn.’ U għal sebaʼ darbiet issokta jgħidlu, ‘Erġaʼ mur.’” (1 Slat. 18:43) L-​eżempju t’Elija jgħallimna minn tal-​inqas żewġ lezzjonijiet. L-​ewwel, innota kemm il-​profeta kien fiduċjuż. Imbagħad ikkunsidra kemm qagħad għassa.

Elija fittex bil-ħrara evidenza li Ġeħova kien se jaġixxi dalwaqt

10, 11. (a) Elija b’liema mod wera l-​fiduċja tiegħu fil-​wegħda taʼ Ġeħova? (b) Għala jistaʼ jkollna fiduċja simili?

10 Peress li Elija kellu fiduċja fil-​wegħda taʼ Ġeħova, hu fittex bil-​ħrara evidenza li Ġeħova kien se jaġixxi dalwaqt. Hu bagħat lill-​qaddej tiegħu f’post fl-​għoli biex ikun jistaʼ jgħarrex lejn ix-​xefaq ħalli jara jilmaħx xi ħjiel taʼ xi ħalba xita. Meta mar lura, il-​qaddej wassal dan ir-​rapport xejn entużjażmanti: “M’hemm xejn.” Ix-​xefaq kien ċar, u s-​sema bla sħab. Innotajt xi ħaġa stramba? Ftakar, Elija kien għadu kif qal lis-​Sultan Aħab: “Jinstemaʼ jidwi l-​ħoss taʼ xita bil-​qliel.” Il-​profeta kif setaʼ jgħid xi ħaġa bħal din meta lanqas biss kien hemm sħab tax-​xita?

11 Elija kien jaf bil-​wegħda taʼ Ġeħova. Bħala l-​profeta u r-​rappreżentant taʼ Ġeħova, hu kien ċert li Alla tiegħu kien se jżomm Kelmtu. Elija kien fiduċjuż—tant li kien bħallikieku diġà setaʼ jismaʼ x-​xita nieżla bil-​qliel. Għandna mnejn niftakru fid-​deskrizzjoni tal-​Bibbja dwar Mosè: “Baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” Huwa Alla daqshekk reali għalik? Hu jipprovdilna biżżejjed raġunijiet biex inpoġġu dan it-​tip taʼ fidi fih u fil-​wegħdi tiegħu.—Ebr. 11:1, 27.

12. Elija kif wera li qagħad għassa, u kif irreaġixxa għall-​aħbar li kien hemm sħaba waħda ċkejkna?

12 Imbagħad innota kemm Elija qagħad għassa. Hu ma bagħatx lill-​qaddej tiegħu lura darba jew darbtejn, imma sebaʼ darbiet! Nistgħu nimmaġinaw li l-​qaddej għejja ġej u sejjer, imma Elija baqaʼ fuq ix-​xwiek għal xi sinjal u ma qatax qalbu. Fl-​aħħar, wara s-​sebaʼ vjaġġ tiegħu, il-​qaddej qal: “Hemm sħaba ċkejkna daqs il-​pala taʼ id raġel tielgħa mill-​baħar.” Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk lil dan il-​qaddej iżomm driegħu ’l barra u juża l-​pala t’idu biex ikejjel il-​qies taʼ sħaba waħda ċkejkna tfiġġ minn fuq ix-​xefaq tal-​Baħar il-​Kbir? Il-​qaddej setaʼ ħaseb li din is-​sħaba ma kinitx importanti. Iżda għal Elija din is-​sħaba kienet tfisser ħafna. Issa hu ta lill-​qaddej tiegħu direzzjonijiet urġenti: “Itlaʼ, għid lil Aħab, ‘Arma l-​karru! U inżel ħalli ma tinqabadx fix-​xita qalila!’”—1 Slat. 18:44.

13, 14. (a) Kif nistgħu nimitaw lil Elija li qagħad għassa? (b) Liema raġunijiet għandna biex naġixxu b’urġenza?

13 Għal darb’oħra, Elija ħallielna eżempju mill-​aqwa. Anki aħna qed ngħixu fi żmien meta Alla dalwaqt se jaġixxi biex iwettaq l-​iskop li stqarr hu. Elija stenna t-​tmiem taʼ nixfa; il-​qaddejja t’Alla llum qed jistennew it-​tmiem taʼ sistema dinjija korrotta. (1 Ġw. 2:17) Sakemm jaġixxi Alla Ġeħova, irridu noqogħdu dejjem għassa bħalma għamel Elija. Bin Alla stess, Ġesù, ta l-​parir lis-​segwaċi tiegħu: “Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom.” (Mt. 24:42) Ried ifisser Ġesù li s-​segwaċi tiegħu se jitħallew kompletament fl-​għama rigward meta kellu jiġi t-​tmiem? Le, għax hu dam jitkellem dwar kif se tkun id-​dinja fil-​jiem li jwasslu għat-​tmiem. Ilkoll kemm aħna nistgħu nosservaw it-​twettiq taʼ dan is-​sinjal dettaljat tal-​“konklużjoni tas-​sistema.”—Aqra Mattew 24:3-​7.

Sħaba waħda ċkejkna kienet biżżejjed biex tikkonvinċi lil Elija li Ġeħova kien se jaġixxi dalwaqt. Is-sinjal tal-aħħar jiem jagħtina raġunijiet konkreti biex naġixxu b’urġenza

14 Kull aspett taʼ dan is-​sinjal jagħtina evidenza konkreta u konvinċenti. Hija biżżejjed din l-​evidenza biex tqanqalna naġixxu b’urġenza fis-​servizz tagħna lil Ġeħova? Sħaba waħda ċkejkna li feġġet mix-​xefaq kienet biżżejjed biex tikkonvinċi lil Elija li Ġeħova kien se jaġixxi dalwaqt. Il-​profeta leali kien diżappuntat?

Ġeħova Jġib Serħan u Barkiet

15, 16. Liema ġrajjiet żvolġew b’ħeffa liema bħalha, u Elija x’setaʼ ħaseb dwar Aħab?

15 Ir-​rakkont jgħidilna: “Ġara sadanittant li s-​smewwiet iddallmu bis-​sħab u qam ir-​riħ u bdiet nieżla xita bil-​qliel. U Aħab baqaʼ għaddej riekeb fi triqtu lejn Ġeżragħel.” (1 Slat. 18:45) Il-​ġrajjiet bdew jiżvolġu b’ħeffa liema bħalha. Filwaqt li l-​qaddej t’Elija kien qed iwassal il-​messaġġ tal-​profeta lil Aħab, dik is-​sħaba ċkejkna saret ħafna sħab, u s-​sema ssaħħab kollu u swied. Nefaħ riħ qawwi. Fl-​aħħar, wara tliet snin u nofs, niżlet ix-​xita fuq l-​art taʼ Iżrael. L-​art niexfa xorbot l-​ilma kollu tax-​xita. Hekk kif ix-​xita bdiet nieżla bil-​qliel, ix-​Xmara Kison faret, u bla dubju kinset id-​demm tal-​profeti maqtulin taʼ Bagħal. Anki l-​Iżraelin stinati kienu qed jingħataw l-​opportunità li jikinsu l-​qima taʼ Bagħal minn Iżrael u jingħataw il-​maħfra minn Ġeħova.

“Bdiet nieżla xita bil-qliel”

16 Żgur li Elija ttama li l-​qima taʼ Bagħal titneħħa minn Iżrael! Forsi tħasseb dwar kif Aħab kien se jirreaġixxi għall-​ġrajjiet drammatiċi li kienu qed jiżvolġu. Aħab kien se jindem u jdur lura mill-​qima moqżieża taʼ Bagħal? Il-​ġrajjiet tal-​ġurnata kienu taw raġunijiet sodi biex jagħmel dawn il-​bidliet. M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux inkunu nafu x’kien għaddej minn moħħ Aħab dak il-​ħin. Ir-​rakkont sempliċement jgħidilna li s-​sultan “baqaʼ għaddej riekeb fi triqtu lejn Ġeżragħel.” Kien tgħallem xi ħaġa? Kien determinat li jibda paġna ġdida f’ħajtu? Ġrajjiet li seħħew iktar tard jindikaw li t-​tweġiba hi le. Xorta waħda, il-​ġurnata kienet għadha ma spiċċatx għal Aħab—u lanqas għal Elija.

17, 18. (a) Xi ġralu Elija fi triqtu lejn Ġeżragħel? (b) X’kien hemm rimarkevoli dwar il-​ġirja t’Elija mill-​Karmel sa Ġeżragħel? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

17 Il-​profeta taʼ Ġeħova mar għal għonq it-​triq—l-​istess triq li kien ħa Aħab. Quddiemu kellu biċċa triq ġmielha, mudlama, u kollha ilma. Imma mbagħad ġrat xi ħaġa stramba.

18 “Id Ġeħova kienet fuq Elija, u b’hekk hu xammar il-​libsa u telaq jiġri qabel Aħab it-​triq kollha sa Ġeżragħel.” (1 Slat. 18:46) B’mod ċar, “id Ġeħova” kienet qed taħdem fuq Elija b’mod sopranaturali. Ġeżragħel kienet tinsab 30 kilometru ’l bogħod, u Elija ma kienx xi żagħżugħ. * Ġib quddiem għajnejk lil dak il-​profeta jħażżem l-​ilbies twil tiegħu u jorbtu maʼ ġenbejh sabiex ikun jistaʼ jiċċaqlaq bil-​libertà tul dik it-​triq mgħarrqa bl-​ilma—tant beda jiġri li laħħaq mal-​karru rjali, qabżu, u saħansitra ġera iktar minnu!

19. (a) L-​enerġija u l-​istamina li Alla ta lil Elija jistgħu jfakkruna f’liema profeziji? (b) Hekk kif Elija ġera lejn Ġeżragħel, x’kien jaf fiċ-​ċert?

19 X’barka kienet din għal Elija! Is-​saħħa, il-​vitalità, u l-​istamina li ħass—forsi saħansitra iktar milli qatt ħass f’żgħożitu—żgur li kienu esperjenza eċċitanti. Għandna mnejn niftakru fil-​profeziji li jiggarantixxu saħħa u enerġija b’mod perfett lil uħud leali fil-​Ġenna tal-​art li ġejja. (Aqra Isaija 35:6; Luqa 23:43) Hekk kif Elija beda jiġri kemm jiflaħ tul dik it-​triq imxarrba bix-​xita, hu żgur li kien jaf li kellu l-​approvazzjoni taʼ Missieru, l-​uniku Alla veru, Ġeħova!

20. Kif nistgħu nirsistu biex nirċievu l-​barkiet taʼ Ġeħova?

20 Ġeħova hu ħerqan biex iberikna. Il-​barkiet tiegħu huma prezzjużi; ejja nirsistu biex nagħmlu l-​almu tagħna ħalli nirċivuhom. Bħal Elija, irridu nibqgħu għassa u nevalwaw bir-​reqqa l-​evidenza kbira li turi li Ġeħova dalwaqt se jaġixxi f’dawn iż-​żminijiet perikolużi u urġenti. Bħal Elija, għandna kull raġun biex inpoġġu fiduċja sħiħa fil-​wegħdi taʼ Ġeħova, “l-​Alla tal-​verità.”—Salm 31:5.

^ par. 18 Ftit wara dan, Ġeħova kellu jinkariga lil Elija biex iħarreġ lil Eliżew, li kellu jsir magħruf bħala l-​wieħed li “kien iferraʼ l-​ilma f’idejn Elija.” (2 Slat. 3:11) Eliżew qeda bħala l-​qaddej t’Elija, u evidentement offra l-​għajnuna prattika tiegħu lil raġel ixjeħ.