Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 ĠIE DISINJAT?

Is-Smigħ Straordinarju tal-Buqran Aħdar

Is-Smigħ Straordinarju tal-Buqran Aħdar

IL-BUQRAN AĦDAR tal-Amerika t’Isfel (Copiphora gorgonensis) għandu widnejh twal inqas minn millimetru, imma jaħdmu b’mod simili ħafna għall-widnejn umani. Dan l-insett kapaċi jiddistingwi varjetà kbira taʼ frekwenzi minn distanzi twal. Pereżempju, jistaʼ jagħraf id-differenza bejn il-ħoss taʼ buqran aħdar ieħor u l-ħoss ultrasoniku taʼ farfett il-lejl li qed jikkaċċja.

IL-WIDNA TAL-BUQRAN AĦDAR

Ikkunsidra: Il-widnejn tal-buqran aħdar jinsabu fuq iż-żewġ saqajn taʼ quddiem tiegħu. Bħall-widna umana, il-widna tal-buqran aħdar tiġbor il-ħsejjes, tbiddilhom, u tanalizza l-frekwenza tagħhom. Imma x-xjentisti skoprew organu speċjali ġol-widna taʼ dan l-insett—ħofra mimlija fluwidu ppressat li tidher qisha bużżieqa tawwalija. Dan l-organu, li sejħulu l-bużżieqa akustika, jaħdem bħal ħofret il-widna tal-mammali imma hu ħafna iżgħar. Il-buqran aħdar għandu smigħ straordinarju grazzi għall-bużżieqa akustika tiegħu.

Il-professur Daniel Robert, mill-Iskola tax-Xjenzi Bijoloġiċi tal-Università taʼ Bristol, fir-Renju Unit, jgħid li din l-iskoperta se tgħin lill-inġiniera “jiżviluppaw apparat tas-smigħ ispirat min-natura li jkun iżgħar u iktar preċiż minn qatt qabel.” Ir-riċerkaturi jemmnu li dan se jikkontribwixxi wkoll għall-ġenerazzjoni li jmiss taʼ teknoloġija tal-inġinerija ultrasonika, inkluż metodi biex jiġi investigat il-ġisem uman mingħajr il-bżonn taʼ operazzjoni.

Int x’taħseb? Is-smigħ straordinarju tal-buqran aħdar ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?