Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IT-TRIQ LI TWASSAL GĦALL-FERĦ VERU

L-imħabba

L-imħabba

L-​IMĦABBA HI IMPORTANTI GĦALL-​BNIEDEM. L-​ebda żwieġ, familja, jew ħbiberija ma tistaʼ tissaħħaħ mingħajrha. Għaldaqstant, huwa raġunevoli li l-​imħabba hi essenzjali għas-​saħħa mentali u l-​ferħ. Imma xi tfisser “l-​imħabba”?

L-​imħabba li se tiġi diskussa hawn mhijiex imħabba romantika, li ovvjament hi importanti wkoll. Minflok, hi mħabba gwidata mill-​prinċipji t’Alla li tinkludi wkoll affezzjoni u sentimenti. Din it-​tip taʼ mħabba tqanqal persuna biex turi interess sinċier f’oħrajn, u saħansitra tpoġġihom qabilha stess.

Deskrizzjoni sabiħa tal-​imħabba tgħid: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. L-​imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-​ħsara. Ma tithenniex bl-​inġustizzja, imma tithenna bil-​verità. Kollox tiflaħ, . . . kollox tittama, kollox tissaporti. L-​imħabba ma tbatti qatt.”—1 Korintin 13:4-8.

Imħabba bħal din “ma tbatti qatt” fis-​sens li qatt ma tieqaf teżisti. Fil-​fatt, tistaʼ tissaħħaħ maż-​żmien. U minħabba li hi paċenzjuża, qalbha tajba, u taf taħfer, hi “rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) Allura, relazzjonijiet li huma bbażati fuq imħabba bħal din, huma sodi u ferħanin minkejja l-​imperfezzjonijiet tal-​individwi. Pereżempju, ikkunsidra l-​għaqda taż-​żwieġ.

F’“RABTA PERFETTA LI TGĦAQQAD”

Ġesù Kristu għallem prinċipji importanti dwar iż-​żwieġ. Pereżempju, hu qal: “‘Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’ . . . Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:5, 6) Minn tal-​inqas hemm żewġ prinċipji li jispikkaw.

“IT-​TNEJN IKUNU ĠISEM WIEĦED.” Iż-​żwieġ hu l-​aktar rabta mill-​qrib li bniedem jistaʼ jkollu maʼ bniedem ieħor. L-​imħabba tistaʼ tipproteġi ż-​żwieġ kontra n-​nuqqas taʼ lealtà—fis-​sens li r-​raġel jew il-​mara jsiru “ġisem wieħed” maʼ xi ħadd barra ż-​żwieġ. (1 Korintin 6:16; Ebrej 13:4) In-​nuqqas taʼ lealtà tkisser il-​fiduċja u liż-​żwieġ tistaʼ tfallih. Jekk ikun hemm it-​tfal, għandhom mnejn jgħaddu minn trawma, forsi jibdew iħossuhom imbeżżgħin, mhux maħbubin, jew saħansitra rrabjati.

“DAK LI ALLA GĦAQQAD FLIMKIEN.” Iż-​żwieġ huwa wkoll għaqda sagra. Il-​koppji li jirrispettaw dan il-​fatt jagħmlu ħilithom biex isaħħu ż-​żwieġ tagħhom. Meta jinqalgħu l-​problemi, ma joqogħdux jipprovaw itemmu ż-​żwieġ. L-​imħabba tagħhom tkun waħda b’saħħitha u tiflaħ għad-​diffikultajiet. Imħabba bħal din “kollox tiflaħ,” għax tgħinna nsolvu l-​problemi ħalli jibqaʼ jkun hemm il-​qbil u l-​paċi fiż-​żwieġ.

Meta l-​ġenituri jkunu jħobbu lil xulxin u lesti li jagħmlu sagrifiċċji għal xulxin, uliedhom jibbenefikaw bil-​kbir. Mara żagħżugħa li jisimha Jessica nnotat: “Ommi u missieri verament iħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Meta nara kif ommi tirrispetta ’l missieri, speċjalment fl-​affarijiet li għandhom x’jaqsmu magħna t-​tfal, inkun irrid insir eżatt bħalha.”

L-​imħabba hi l-​iktar kwalità li tispikka f’Alla. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Allura ma nistagħġbux li Ġeħova jissejjaħ ukoll “l-​Alla l-​hieni.” (1 Timotju 1:11) Aħna wkoll inkunu ferħanin meta nagħmlu ħilitna biex nimitaw il-​kwalitajiet tal-​Ħallieq tagħna—speċjalment l-​imħabba tiegħu. Efesin 5:1, 2 jgħid: “Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-​imħabba.”