Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Ir-​Rumani kienu se jħallu lil xi ħadd bħal Ġesù, li qatlu fuq iz-​zokk, ikollu difna normali?

ĦAFNA jafu r-​rakkont ta’ meta Ġesù ġie maqtul fuq iz-​zokk bejn żewġ ħallelin. (Mt. 27:35-​38) Però, xi nies jemmnu li l-​Bibbja mhix korretta meta tgħid li l-​ġisem taʼ Ġesù ġie preparat għad-​difna u tpoġġa f’qabar.—Mk. 15:42-​46.

Xi kritiċi tal-​Evanġelji jiddubitaw jekk xi ħadd li kien jiġi msammar ma’ zokk kienx jitħalla jkollu difna normali, jiġifieri, jitpoġġa f’qabar. Minflok, huma jemmnu li dawn il-​kriminali x’aktarx kienu jiġu trattati b’mod differenti. Il-​ġurnalist Ariel Sabar, fir-​rivista Smithsonian, spjega għala xi wħud jaħsbu hekk: “Il-​mewt fuq is-​salib kien kastig li kien jingħata lill-​agħar nies fis-​soċjetà. Xi esperti jgħidu li hu tad-​daħq li xi wħud jaħsbu li r-​Rumani kienu se jippermettu li dawn in-​nies setaʼ jkollhom difna normali.” Ir-​Rumani riedu jagħtu lil dawn il-​kriminali mewta tal-​mistħija. Għalhekk, spiss kienu jħalluhom imdendlin fuq iz-​zokk biex jikluhom l-​annimali salvaġġi. Wara dan, dak li jkun għad fadal minnhom kienu jitfgħuh ġo qabar ma’ katavri oħrajn.

Però, l-​arkeoloġiċi sabu xi ħaġa differenti fil-​fdalijiet taʼ xi Lhud li nqatlu b’dan il-​mod. Fl-​1968, sabu fdalijiet taʼ skeletru taʼ raġel li ġie msammar ma’ zokk bejn wieħed u ieħor fi żmien Ġesù. Dawn il-​fdalijiet instabu ġo qabar taʼ familja Lhudija qrib Ġerusalemm. Il-​fdalijiet kienu qegħdin ġo ossarju, jiġifieri, kaxxa li jintefaʼ l-​għadam tal-​mejtin ġo fiha. Fost il-​fdalijiet kien hemm għadma taʼ għarqub. Din kienet imwaħħla ma’ njama b’musmar twil 11.5 ċentimetri. Sabar jgħid: “L-​għarqub, li kien taʼ raġel jismu Yehochanan, jagħti prova li r-​rakkonti tal-​Evanġelji li jgħidu li Ġesù tpoġġa ġo qabar jistgħu jkunu veri. L-​għarqub tiegħu hu eżempju taʼ raġel li ġie msallab fi żmien Ġesù u li r-​Rumani ħallewh ikollu difna normali bħal-​Lhud.”

Din l-​għadma tal-​għarqub qajmet ideat oħra dwar kif Ġesù ġie mdendel fuq iz-​zokk. Imma jidher ċar li xi kriminali li mietu fuq iz-​zokk kellhom difna normali u mhux ġew mitfugħin ġo qabar ma’ katavri oħrajn. Mela, meta l-​Bibbja tgħid li Ġesù tpoġġa ġo qabar, dan hu veru. Dak li sabu l-​arkeoloġiċi jikkonferma dak li tgħid il-​Bibbja.

Imma l-​iktar ħaġa importanti hi li Ġeħova kien ipprofetizza li Ġesù kien se jindifen ġo qabar taʼ raġel sinjur, u ħadd ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova milli jwettaq dak li jgħid.—Is. 53:9; 55:11.