Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Mediċina Tiegħu Hi li Jaqdi lil Alla!

Il-Mediċina Tiegħu Hi li Jaqdi lil Alla!

Meta żewġ pijunieri ġew mistidnin jidħlu f’ċerta dar fil-Kenja, baqgħu sorpriżi meta raw il-figura żgħira ħafna taʼ raġel mimdud fuq sodda. Hekk kif qalulu bil-wegħda t’Alla li “z-zopp se jixxabbat bħaċ-ċerv,” ir-raġel wieġeb billi tahom tbissima kbira.—Is. 35:6.

Il-pijunieri saru jafu li Onesmus, li issa riesaq lejn l-40 sena, twieled bl-osteogenesis imperfecta, jew il-marda tal-għadam fraġli. L-għadam tant hu fraġli li l-iċken pressjoni tkissru. Peress li m’hemm l-ebda kura jew trattament effettiv għall-marda, Onesmus stenna li jqattaʼ l-bqija taʼ ħajtu muġugħ u ġo siġġu tar-roti.

Onesmus aċċetta studju tal-Bibbja. Madanakollu, ommu ma riditux jattendi l-laqgħat Kristjani għax irraġunat li setaʼ jkisser xi għadma waqt li jkun hemmhekk jew iħossu iktar muġugħ. Għalhekk, l-aħwa rrekordjaw il-laqgħat, u Onesmus kien jismagħhom id-dar. Wara li kien ilu jistudja ħames xhur, Onesmus iddeċieda li jattendi l-laqgħat minkejja r-riskji involuti.

Ħassu iktar muġugħ Onesmus issa li beda jattendi l-laqgħat Kristjani? Pjuttost l-oppost! “L-uġigħ kontinwu kien donnu jbatti matul il-laqgħat,” jiftakar Onesmus. Hu rraġuna li kien qed iħossu aħjar minħabba t-tama ġdida li kien kiseb. Omm Onesmus rat il-bidla fil-burdata taʼ binha u kienet ferħana se ttir tant li hi wkoll aċċettat li tistudja l-Bibbja. Kienet tħobb tgħid: “Il-mediċina taʼ ibni hi li jaqdi lil Alla!

Onesmus ma damx ma sar pubblikatur mhux mgħammed. Maż-żmien, tgħammed u issa jaqdi bħala qaddej ministerjali. Għalkemm ma jistax juża riġlejh u waħda minn dirgħajh, Onesmus kellu x-xewqa li jagħmel kulma jistaʼ fis-servizz taʼ Ġeħova. Ried jaqdi bħala pijunier awżiljarju imma żamm lura milli japplika. Għala? Għax kien jaf li kien se jkollu jiddependi għalkollox minn ħaddieħor biex joqgħod jimbottah fis-siġġu tar-roti. Meta qal lill-Kristjani sħabu x’kien qed iżommu lura, huma wiegħdu li jappoġġawh. U hekk għamlu, u b’hekk għenu lil Onesmus jaqdi bħala pijunier awżiljarju.

L-istess ħaġa inkwetat lil Onesmus meta xtaq jibda jaqdi bħala pijunier regulari. Imma darba fost l-oħrajn l-iskrittura tal-jum tatu l-inkuraġġiment li kellu bżonn. L-iskrittura kienet Salm 34:8: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.” Wara li mmedita fuq din l-iskrittura, Onesmus iddeċieda li jsir pijunier regulari. Issa hu jipprietka erbat ijiem fil-ġimgħa u għandu diversi studenti tal-Bibbja li qed jagħmlu progress spiritwali tajjeb. Fl-2010, attenda l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier. Kemm ħa pjaċir Onesmus għax l-istruttur tiegħu kien wieħed miż-żewġ aħwa li żaruh l-ewwel darba!

Il-ġenituri taʼ Onesmus issa raqdu fil-mewt, imma aħwa fil-kongregazzjoni jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu taʼ kuljum. Hu grat għall-barkiet kollha li jgawdi issa, u għandu sebaʼ mitt sena biex jasal il-jum meta “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Is. 33:24.