Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta Sieħeb fiż-Żwieġ Ikollu Bżonnijiet Speċjali

Meta Sieħeb fiż-Żwieġ Ikollu Bżonnijiet Speċjali

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Meta Sieħeb fiż-​Żwieġ Ikollu Bżonnijiet Speċjali

Minn mindu sirna nafu li għandi s-​sindromu taʼ għeja kronika, żewġi kellu jagħmel ix-​xogħol sekulari kollu. Imma qatt ma jkellimni dwar il-​kontijiet tagħna. Għala jaħbi dawn l-​affarijiet minni? Bilfors li l-​finanzi tagħna tant huma batuti li jaf li jekk insir naf se nippanikja.—Nancy. a

IŻ-​ŻWIEĠ jistaʼ jkun taʼ sfida, imma meta xi ħadd jimrad b’mod kroniku filwaqt li l-​parti l-​oħra tibqaʼ f’saħħitha, il-​komplikazzjonijiet jistgħu jiżdiedu. b Qiegħda tieħu ħsieb lis-​sieħeb fiż-​żwieġ tiegħek li hu nieqes mis-​saħħa? Jekk iva, tinkwetak xi waħda mill-​mistoqsijiet li ġejjin: ‘Kif se nkampa jekk is-​saħħa taʼ żewġi tmur saħansitra għall-​agħar? Kemm nistaʼ ndum nieħu ħsieb lil żewġi u nkompli nagħmel it-​tisjir, it-​tindif, u x-​xogħol sekulari kollu? Għala nħossni ħatja li jien bqajt f’saħħti?’

Mill-​banda l-​oħra, jekk int is-​sieħeb marid, għandek mnejn tistaqsi: ‘Kif nistaʼ nirrispetta lili nnifsi meta ma nistax nerfaʼ r-​responsabbiltà tiegħi? Il-​mara tiegħi tħossha frustrata għax jien marid? Spiċċa l-​hena tagħna bħala koppja?’

B’dispjaċir, xi żwiġijiet ma rnexxilhomx ikampaw mat-​toqol li ġġib magħha marda kronika. Madankollu, dan ma jfissirx li ż-​żwieġ tiegħek żgur se jfalli.

Ħafna koppji mhux talli jkampaw imma talli jissaħħu minkejja li jkun hemm marda kronika. Pereżempju, ikkunsidra lil Yoshiaki u Kazuko. Yoshiaki weġġaʼ s-​sinsla taʼ dahru u issa għandu bżonn l-​għajnuna anki biex jagħmel l-​iċken moviment. Kazuko tispjega: “Żewġi għandu bżonn l-​għajnuna f’kollox. Minħabba li nieħu ħsiebu, għonqi, spallejja, u dirgħajja juġgħuni u jkolli mmur għall-​kura fi sptar ortopediku. Li nieħu ħsieb lil żewġi, spiss jaqtagħli qalbi.” Madankollu, minkejja d-​diffikultajiet, Kazuko tgħid: “Ir-​relazzjoni tagħna bħala koppja saret iktar b’saħħitha.”

Allura, x’inhi ċ-​ċavetta għall-​hena f’ċirkustanzi bħal dawn? Ħaġa waħda hi li dawk li jżommu ammont konsiderevoli taʼ sodisfazzjon u kuntentizza fiż-​żwieġ tagħhom iqisu l-​marda mhux biss bħala attakk fuq is-​sieħeb li hu marid, imma wkoll fuq it-​tnejn li huma bħala koppja. Wara kollox, jekk is-​sieħeb hu marid, it-​tnejn li huma jiġu effettwati bil-​kbir, anki jekk b’modi differenti. Din ir-​relazzjoni fejn raġel u mara jiddependu minn xulxin hija deskritta f’Ġenesi 2:24: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.” B’hekk, meta xi ħadd fiż-​żwieġ ikollu marda fiżika kontinwa, huwa vitali li kemm ir-​raġel kif ukoll il-​mara jaħdmu flimkien biex jilqgħu l-​isfida.

Barra minn hekk, ir-​riċerka turi li koppji li jżommu relazzjoni tajba meta jiffaċċjaw marda kronika, jaċċettaw is-​sitwazzjoni tagħhom u jitgħallmu modi effettivi kif jadattaw ruħhom għaliha. Ħafna mill-​abbiltajiet li tgħallmu huma u jkampaw jaqblu mal-​pariri li jgħoddu għal kull żmien u li nsibu fil-​Bibbja. Ikkunsidra t-​tliet suġġerimenti li ġejjin.

Uru Konsiderazzjoni Lejn Xulxin

“Tnejn aħjar minn wieħed,” jgħid Ekkleżjasti 4:9. Għala? Għaliex, kif jispjega vers 10, “jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.” ‘Tqajjem int lil sieħbek’ b’espressjonijiet taʼ apprezzament?

Tistgħu tfittxu modi kif tkunu taʼ għajnuna prattika għal xulxin? Yong, li martu hi paralizzata parzjalment, jgħid: “Nipprova nuri konsiderazzjoni lejn marti f’kull okkażjoni. Kull meta jkolli l-​għatx, inqis li hi wkoll forsi għandha l-​għatx. Jekk ikolli aptit noħroġ u nara l-​veduta mill-​isbaħ, nistaqsiha jekk tridx tiġi miegħi. Inkampaw mal-​uġigħ u nissaportu s-​sitwazzjoni flimkien.”

Min-​naħa l-​oħra, jekk is-​sieħba tiegħek qed tieħu ħsiebek, hemm xi affarijiet li tistaʼ tagħmilhom waħdek mingħajr ma tipperikola saħħtek? Jekk iva, dan jistaʼ jġiegħlek tħossok aħjar dwarek innifsek u jistaʼ jikkontribwixxi għall-​abbiltà tas-​sieħba tiegħek biex tkompli tieħu ħsiebek.

Minflok ma tassumi li taf l-​aqwa mod kif turi konsiderazzjoni lejn is-​sieħeb tiegħek, għala ma tistaqsihx x’japprezza l-​iktar? Nancy, li ssemmiet fil-​bidu, eventwalment qalet lil żewġha kif ġiet effettwata minħabba li ma kinitx taf il-​qagħda finanzjarja tal-​familja. Issa żewġha jistinka biex jikkomunika iktar f’dan ir-​rigward.

IPPROVA DAN: Agħmel lista taʼ modi li tħoss li martek tistaʼ tagħmel is-​sitwazzjoni preżenti daqsxejn iktar faċli, u staqsi lil martek biex tagħmel l-​istess. Imbagħad biddlu l-​listi. It-​tnejn li intom għandkom tagħżlu suġġeriment jew tnejn li tistgħu tapplikaw b’mod realistiku.

Żomm Skeda Bilanċjata

“Għal kollox hemm żmien stabbilit,” kiteb is-​sultan għaref Salamun. (Ekkleżjasti 3:1) Madankollu, jistaʼ jidher impossibbli li żżommu skeda bilanċjata peress li marda kronika tistaʼ tisfratta xi ftit ir-​rutina tal-​familja. X’tistgħu tagħmlu biex għall-​inqas ikollkom xi ftit taʼ bilanċ?

Flimkien tistgħu twarrbu l-​ħin regolarment biex tgawdu attivitajiet li jistgħu jaljenawkom milli toqogħdu taħsbu dwar il-​marda. Tistgħu xorta tgawdu ftit mill-​affarijiet li kontu tagħmlu qabel ma tfaċċat il-​marda? Jekk le, liema attivitajiet ġodda tistgħu tipprovaw? Tistaʼ tkun xi ħaġa sempliċi bħal li taqraw lil xulxin jew xi ħaġa taʼ sfida bħal li titgħallmu lingwa ġdida. Jekk tagħmlu affarijiet li l-​marda ma twaqqafkomx milli tagħmlu flimkien, ir-​rabta tagħkom taʼ “ġisem wieħed” se tissaħħaħ—u l-​hena tagħkom se jiżdied.

Għajnuna oħra biex iżżomm il-​bilanċ hija li tkun fil-​kumpanija taʼ oħrajn. Fi Proverbji 18:1, il-​Bibbja tgħid: “Min jinqataʼ għalih se jfittex ix-​xewqa egoistika tiegħu stess; kontra kull għaqal jiħodha.” Innotajt f’dan il-​vers li jekk wieħed jinqataʼ għalih waħdu, dan jistaʼ jkollu effett mhux mixtieq fuq il-​moħħ? B’kuntrast, sħubija minn żmien għal żmien maʼ oħrajn tistaʼ tagħmillek burdata tajba u tgħinek iġġedded il-​ħarsa mentali tiegħek. Għala ma tiħux l-​inizjattiva biex tistieden lil xi ħadd jiġi jżurek?

Kultant, li jżommu l-​bilanċ ikun taʼ problema għall-​imseħbin fiż-​żwieġ li qed jieħdu ħsieb il-​parti l-​oħra. Xi wħud jitgħabbew iżżejjed bix-​xogħol, jgħejjew bil-​mod il-​mod, u jipperikolaw saħħithom stess. Maż-​żmien, jistgħu jispiċċaw ma jkunux kapaċi jkomplu jieħdu ħsieb is-​sieħeb jew is-​sieħba maħbuba tagħhom fiż-​żwieġ. Għalhekk, jekk qed tieħu ħsieb sieħeb fiż-​żwieġ li hu marid b’mod kroniku, tinjorax il-​bżonnijiet persunali tiegħek. Warrab ftit ħin għalik waħdek regolarment biex issaħħaħ lilek innifsek. c Xi wħud sabu li jħossuhom aħjar jekk minn żmien għal żmien jitkellmu dwar l-​ansjetajiet tagħhom maʼ ħabib tal-​qalb tal-​istess sess.

IPPROVA DAN: Ikteb lista tal-​ostakli li tiffaċċja hekk kif tieħu ħsieb il-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ. Imbagħad agħmel lista taʼ passi li tistaʼ tieħu biex tegħlibhom jew biex tkampa magħhom b’mod iktar effettiv. Minflok ma tanalizzahom iżżejjed, staqsi lilek innifsek, ‘Liema hu l-​iktar mod sempliċi u ovvju biex intejjeb is-​sitwazzjoni?’

Ipprova Żomm Ħarsa Pożittiva

Il-​Bibbja twissi: “Tgħidx: ‘Kif inhi li l-​jiem taʼ qabel kienu aħjar minn dawn?’” (Ekkleżjasti 7:10) Għalhekk, evita li toqgħod taħseb dwar kif setgħet tkun il-​ħajja. Ftakar li f’din id-​dinja, l-​hena kollu hu limitat b’xi mod jew ieħor. Iċ-​ċavetta hawnhekk hi li taċċetta s-​sitwazzjoni tiegħek u tagħmel l-​aħjar li tistaʼ fiha.

X’jistaʼ jgħin lilek u lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ f’dan ir-​rigward? Iddiskutu flimkien il-​barkiet tagħkom. Ħudu pjaċir anki bl-​iċken titjib fis-​saħħa taʼ min ikun marid. Sibu affarijiet li tħarsu ’l quddiem għalihom, u flimkien agħmlu miri li tistgħu tilħquhom.

Koppja jisimhom Shoji u Akiko applikaw dawn il-​pariri b’riżultati tajbin. Meta saru jafu li Akiko kellha l-​fibromyalgia (uġigħ fil-​muskoli u għeja kbira) kellhom jitilqu l-​inkarigu speċjali li kellhom fil-​ministeru Kristjan full-​time. Ħassewhom diżappuntati? Naturalment. Però, Shoji jagħti dan il-​parir lil kull min jinsab f’ċirkustanzi simili: “Tiskuraġġix ruħek billi toqgħod taħseb dwar affarijiet li m’għadekx tistaʼ tagħmilhom. Żomm ħarsa pożittiva. Anki jekk it-​tnejn għandkom it-​tama li xi darba terġgħu lura għal rutina normali, għalissa kkonċentraw fuq ħajjitkom kif inhi. Għalija, dan ifisser li niffoka l-​attenzjoni tiegħi fuq marti u li ngħinha.” Pariri għaqlin bħal dawn jistgħu jgħinuk ukoll jekk is-​sieħeb tiegħek għandu bżonnijiet speċjali.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin. F’dan l-​artiklu, se nirreferu għal sieħeb fiż-​żwieġ. Madankollu, il-​prinċipji japplikaw ukoll għal sieħba fiż-​żwieġ.

b Dan l-​artiklu jiddiskuti sitwazzjonijiet li fihom is-​sieħeb fiż-​żwieġ ikollu marda fiżika kontinwa. Madankollu, koppji li qed jissieltu maʼ problemi fiżiċi minħabba xi aċċident jew maʼ diffikultajiet emozzjonali, bħad-​dipressjoni, ukoll jistgħu jiġu megħjunin jekk japplikaw dan il-​materjal.

c Skont iċ-​ċirkustanzi tiegħek, jistaʼ jkun għaqli li tfittex dwar li jkollok għall-​inqas xi ftit għajnuna part-​time minn professjonisti fil-​kura tas-​saħħa jew minn għaqdiet fil-​komunità jekk huma disponibbli.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

Jien u s-​sieħba tiegħi x’hemm bżonn li nagħmlu l-​iktar bħalissa?

▪ Nitkellmu iktar dwar il-​marda

▪ Nitkellmu inqas dwar il-​marda

▪ Ninkwetaw inqas

▪ Nuru iktar konsiderazzjoni lejn xulxin

▪ Nagħmlu affarijiet li l-​marda ma twaqqafniex milli nagħmlu flimkien

▪ Ikollna iktar kuntatt soċjali

▪ Ikollna iktar miri flimkien

[Stampa f’paġna 28]

Sabiex ikollkom il-​bilanċ f’ħajjitkom, tistgħu tgawdu xi passatemp flimkien?