Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ġudizzji t’Alla—Juru li Alla Kien Kattiv?

Il-Ġudizzji t’Alla—Juru li Alla Kien Kattiv?

SABIEX inwieġbu din il-​mistoqsija, ejja nikkunsidraw fil-​qosor żewġ eżempji taʼ ġudizzji t’Alla li nsibu fil-​Bibbja—id-​Dilluvju taʼ żmien Noè u l-​qerda tal-​Kangħanin.

ID-​DILLUVJU TAʼ ŻMIEN NOÈ

DAK LI JGĦIDU XI NIES: “Alla kien kattiv meta ġab dilluvju li qered lill-​bnedmin kollha minbarra Noè u familtu.”

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA: Alla qal: “Jien mhux bil-​mewt tal-​ħażin nitgħaxxaq imma b’li xi ħadd ħażin idur lura minn triqtu u jibqaʼ jgħix.” (Eżekjel 33:11) Għalhekk, il-​qerda tan-​nies mill-​agħar fi żmien Noè xejn ma tgħaxxaq biha Alla. Allura għala qeridhom?

Il-​Bibbja twieġeb li meta Alla ġab ġudizzju bħal dan fuq nies mill-​agħar fil-​passat kien qed ‘iħalli mudell taʼ dak li għandu jiġri’ lill-​bnedmin bla devozzjoni lejn Alla. (2 Pietru 2:5, 6) Alla liema mudell ħalla?

L-​ewwel nett, Alla wera b’mod ċar li avolja ma jitgħaxxaqx bil-​qerda tan-​nies, hu jinnota n-​nies kattivi li jikkaġunaw it-​tbatija u jitlob kont minnhom għal dak li jagħmlu. Maż-​żmien se jtemm l-​inġustizzja u t-​tbatija kollha.

It-​tieni nett, il-​mod kif aġixxa Alla fil-​passat juri b’mod ċar li hu bi mħabba jwissi lin-​nies qabel ma jġib il-​ġudizzju fuqhom. Noè kien predikatur tal-​ġustizzja, imma l-​maġġoranza tan-​nies injorawh. Il-​Bibbja tgħid: “Ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.”—Mattew 24:39.

Alla żamm maʼ dan il-​mudell? Iva. Pereżempju, wissa lill-​poplu tiegħu Iżrael li jekk iduru lejn il-​ħażen, kif għamlu l-​ġnus taʼ madwarhom, kien se jippermetti li xi għedewwa jinvadu pajjiżhom; jeqirdu l-​belt kapitali tagħhom, Ġerusalemm; u jiħduhom fl-​eżilju. L-​Iżraelin xorta daru lejn il-​ħażen—u anke kienu joffru t-​tfal bħala sagrifiċċju. Aġixxa Ġeħova? Dażgur, imma dan għamlu biss wara li bagħat lill-​profeti ħalli jwissu lill-​poplu tiegħu, darba wara l-​oħra, biex ibiddlu triqathom qabel ma jkun tard wisq. Saħansitra qal: “Il-​Mulej Sovran Ġeħova ma jagħmel xejn jekk ma jkunx irrivela l-​ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.”—Għamos 3:7.

KIF INT INVOLUT: Il-​mudell li naraw fil-​ġudizzji tal-​passat t’Alla jnissel fina t-​tama. B’fiduċja nistgħu nħarsu ’l quddiem għal meta Alla jġib ġudizzju fuq in-​nies kattivi li jikkaġunaw it-​tbatija. Il-​Bibbja tgħid: “Dawk li jagħmlu l-​ħażen se jitqaċċtu ’l barra . . . Imma l-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” (Salm 37:9-​11) X’jidhirlek int minn ġudizzju li jneħħi t-​tbatija tal-​umanità? Ikun att kattiv, jew ħanin?

IL-​QERDA TAL-​KANGĦANIN

DAK LI JGĦIDU XI NIES: “Il-​qerda tal-​Kangħanin kienet delitt kattiv tal-​gwerra li jistaʼ jitqabbel mal-​ġenoċidji li jsiru fi żmienna.”

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA: ‘It-​triqat kollha t’Alla huma ġustizzja. Hu Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja.’ (Dewteronomju 32:4) Ma tistax tqabbel att taʼ ġudizzju t’Alla maʼ gwerra umana. Għala? Għax kuntrarju għall-​bnedmin, Alla kapaċi jaqra l-​qlub—jiġifieri, jaf bniedem x’inhu verament minn ġewwa.

Pereżempju, meta Alla ġġudika l-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra u ddeċieda li jagħmilhom rovina, ir-​raġel leali Abraham ried ikun ċert li d-​deċiżjoni t’Alla kienet ġusta. Ma kienx jgħaddilu minn moħħu li l-​Alla ġust tiegħu kien se ‘jeqred lin-​nies sewwa maʼ dawk li huma mill-​agħar.’ Bil-​paċenzja, Alla serraħlu moħħu li anke jekk kien hemm għaxar bnedmin sewwa f’Sodoma, Hu ma kienx se jagħmel ħerba mill-​belt minħabba fihom. (Ġenesi 18:20-​33) Jidher ċar li Alla għarbel il-​qlub taʼ dawk in-​nies u ra kemm kienu mill-​agħar.—1 Kronaki 28:9.

Bl-​istess mod, Alla ra li l-​Kangħanin kienu mill-​agħar u kellu raġun jordna li jiġu meqrudin. Il-​Kangħanin kienu magħrufin sew għal kemm kienu kattivi—fost affarijiet oħrajn kienu jaħarqu lit-​tfal ħajjin fis-​sagrifiċċji bin-​nar. * (2 Slaten 16:3) Il-​Kangħanin kienu jafu li Ġeħova kien ikkmanda lill-​Iżraelin biex jieħdu l-​art kollha taħt idejhom. Dawk li għażlu li jibqgħu fil-​pajjiż u jiggwerraw kontrihom ma kinux biss qed jopponu apposta lill-​Iżraelin imma wkoll lil Ġeħova, li kien wera ċar u tond li kien mal-​poplu tiegħu.

Iktar minn hekk, Alla kien lest li jħenn għal dawk il-​Kangħanin li ħallew warajhom l-​atti mill-​agħar tagħhom u aċċettaw il-​livelli morali għoljin taʼ Ġeħova. Pereżempju, il-​prostituta Kangħanija, Raħab, ġiet salvata flimkien mal-​familja tagħha. Ukoll, meta l-​abitanti tal-​belt Kangħanija, Gibegħon, talbu li jintwerew ħniena, huma u wliedhom tħallew jgħixu.—Ġożwè 6:25; 9:3, 24-​26.

KIF INT INVOLUT: Nistgħu nitgħallmu lezzjoni vitali mill-​ġudizzju fuq il-​Kangħanin. Aħna resqin b’ħeffa liema bħalha lejn “jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla” li hu mbassar fil-​Bibbja. (2 Pietru 3:7) Jekk inħobbu lil Ġeħova se nibbenefikaw meta jelimina t-​tbatija umana billi jneħħi minn fuq l-​art lil dawk li jiċħdu l-​ħakma ġusta tiegħu.

Il-​Kangħanin kienu magħrufin sew għal kemm kienu kattivi, u opponew apposta lil Alla u lill-​poplu tiegħu

Bi mħabba, Ġeħova jfakkarna li l-​għażliet li jagħmlu l-​ġenituri jeffettwaw lil uliedhom. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Trid tagħżel il-​ħajja sabiex tibqaʼ ħaj, int u nislek, billi tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu, u billi tintrabat miegħu.” (Dewteronomju 30:19, 20) Hu dan kliem t’Alla kattiv jew kliem t’Alla li jħobb lin-​nies u jridhom jagħmlu l-​għażla t-​tajba?

^ par. 15 L-​arkeoloġi sabu fdalijiet li juru li l-​qima Kangħanija kienet tinkludi l-​issagrifikar tat-​trabi.