Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Xorb Alkoħoliku—Kif Tistaʼ Żżommu Taħt Kontroll?

Xorb Alkoħoliku—Kif Tistaʼ Żżommu Taħt Kontroll?

 Xi nies jixorbu iktar alkoħol meta jħossuhom stressjati, waħedhom, jew sempliċement m’għandhomx x’jagħmlu. Qiegħed int tixrob iktar milli kont qabel? Jekk iva, kif tistaʼ tkun ċert li m’intix tixrob iżżejjed jew li m’intix issir tiddependi minnu? Ikkunsidra din l-informazzjoni prattika li se tgħinek tikkontrolla x-xorb.

 X’inhu konsum moderat tal-alkoħol?

 Il-Bibbja tgħid: “Tkunx fost dawk li jixorbu ħafna nbid.”—Proverbji 23:20.

 Kun af dan: Il-Bibbja ma tgħidx li x-xorb moderat tal-alkoħol huwa ħażin. (Ekkleżjasti 9:7) Imma l-Bibbja tagħmel differenza bejn xorb moderat, xorb żejjed, u sokor. (Luqa 21:34; Efesin 5:18; Titu 2:3) Anki jekk ma tiskirx, li tixrob iżżejjed jistaʼ jġiegħlek tieħu deċiżjonijiet ħżiena, jeffettwalek saħħtek, u anki r-relazzjonijiet tiegħek m’oħrajn.—Proverbji 23:29, 30.

 Ħafna awtoritajiet jagħmlu d-differenza bejn li tixrob ammont moderat taʼ alkoħol jew li tixrob iżżejjed billi jikkalkulaw kemm tikkonsma alkoħol fil-ġurnata u kemm-il ġurnata fil-ġimgħa tixrob xorb alkoħoliku. a Però, mhux kulħadd jiġi effettwat bl-istess mod mill-alkoħol, allura, se jkun hemm drabi fejn l-aħjar għażla hi li ma tixrob xejn. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa:

 “Anki drink jew tnejn jistgħu jkunu żżejjed—pereżempju:

  •   Meta tkun qed issuq jew tuża makkinarju.

  •   Meta tkun tqila jew qed treddaʼ tarbija.

  •   Meta tkun qed tieħu ċerti mediċini.

  •   Jekk għandek xi kundizzjonijiet mediċi.

  •   Jekk m’intix kapaċi tikkontrolla kemm tixrob.”

 Kif tinduna li qed tixrob iżżejjed

 X’tgħid il-Bibbja: “Ejjew neżaminaw triqatna u nifluhom.”—Lamentazzjonijiet 3:40.

 Kun af dan: Inti tistaʼ tipproteġi lilek innifsek mill-effetti koroh tal-alkoħol jekk regolarment teżamina kemm qed tixrob u jekk hemm bżonn, tnaqqas. Innota s-sinjali li ġejjin għaliex jistgħu jindikaw li qed titlef il-kontroll.

  •   Tiddependi mill-alkoħol biex tħossok tajjeb. Tħoss li għandek bżonn tixrob biex tirrilassa, tissoċjalizza, jew tieħu pjaċir. Trid tixrob biex tkampa mal-problemi tiegħek.

  •   Sirt tixrob iktar milli kont qabel. Qed tixrob iktar taʼ spiss. Qed tixrob xorb iktar qawwi u qed ikollok tixrob iktar biex tħoss l-istess effett taʼ qabel.

  •   Ix-xorb qed jaqlagħlek il-problemi d-dar u fuq ix-xogħol. Pereżempju, qed tonfoq iktar flus fuq l-alkoħol milli taffordja.

  •   Wara li tixrob, tieħu deċiżjonijiet perikolużi, bħal li ssuq, tgħum, jew tħaddem xi makkinarju.

  •   Oħrajn iħossuhom inkwetati fuq ix-xorb tiegħek. Meta jiġbdulek l-attenzjoni, tieħu għalik u ġġib l-iskużi. Tipprova taħbi mill-oħrajn kemm qed tixrob, jew tigdeb dwar l-ammont.

  •   Issibha diffiċli tieqaf. Provajt tnaqqas jew tieqaf tixrob imma ma tistax.

 Ħames suġġerimenti li se jgħinuk tikkontrolla x-xorb

 1. Agħmel pjan.

 Il-Bibbja tgħid: “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—Proverbji 21:5.

 Prova dan: Agħżel f’liema ġranet tal-ġimgħa se tixrob. Immodera kemm se tixrob f’dawk il-ġranet. Agħżel mill-inqas jumejn fil-ġimgħa li fihom m’intix se tixrob.

 “L-aħjar mod biex tnaqqas ir-riskju li ssir tiddependi mill-alkoħol hu li tieħu brejks regolari minnu,” skont karità bbażata fl-Ingilterra li tagħti edukazzjoni dwar l-alkoħol.

 2. Aħdem fuq il-pjan tiegħek.

 Il-Bibbja tgħid: “Temmu wkoll dak li bdejtu tagħmlu.”—2 Korintin 8:11.

 Prova dan: Tgħallem x’inhuma d-daqsijiet tad-drinks li jintużaw normalment biex tkun tistaʼ tkejjel u tgħodd id-drinks tiegħek bl-eżatt. Imla l-cupboard b’xorb mhux alkoħoliku li hu tajjeb għal saħħtek u li tieħu pjaċir tixorbu.

 “Bidliet żgħar jistgħu jagħmlu differenza kbira biex tnaqqas il-problemi tiegħek tax-xorb,“ skont l-Istitut Nazzjonali tal-Istati Uniti dwar l-Abbuż tal-Alkoħol u l-Alkoħoliżmu.

 3. Żomm mad-deċiżjonijiet tiegħek.

 Il-Bibbja tgħid: “Ħallu l-Iva tagħkom ikun Iva, u l-Le, Le.”—Ġakbu 5:12.

 Prova dan: Kun preparat li tgħid “Le” bil-pulit imma b’mod sod jekk xi ħadd joffrilek drink li ma jkunx skont kif pjanajt.

 “Iktar ma titgħallem tirrifjuta malajr, inqas hemm ċans li ċċedi,” skont l-Istitut Nazzjonali tal-Istati Uniti dwar l-Abbuż tal-Alkoħol u l-Alkoħoliżmu.

 4. Iffoka fuq il-benefiċċji tad-deċiżjonijiet tiegħek.

 Il-Bibbja tgħid: “Aħjar it-tmiem taʼ xi ħaġa milli l-bidu tagħha.”—Ekkleżjasti 7:8.

 Prova dan: Agħmel lista taʼ raġunijiet għala trid tikkontrolla x-xorb. Dawn jinkludu li torqod aħjar, is-saħħa tiegħek, il-flus, u r-relazzjonijiet tiegħek. Jekk titkellem m’oħrajn dwar id-deċiżjonijiet tiegħek, iffoka fuq il-benefiċċji minflok fuq kemm hu diffiċli.

 5. Dur lejn Alla għall-għajnuna.

 Il-Bibbja tgħid: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”—Filippin 4:13.

 Prova dan: Jekk int inkwetat dwar ix-xorb tiegħek, itlob lil Alla għall-għajnuna. Itolbu jagħtik is-saħħa u jgħinek titrażżan. b Ħu l-ħin biex titgħallem kif il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, tistaʼ tgħinek. Bl-għajnuna tiegħu, tistaʼ tikkontrolla x-xorb.

a Pereżempju, id-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Umani fl-Istati Uniti jiddefinixxi x-xorb żejjed bħala “li tixrob 4 drinks jew aktar fil-ġurnata jew 8 drinks jew aktar fil-ġimgħa għan-nisa u li tixrob 5 drinks jew aktar fil-ġurnata jew 15-il drink jew aktar fil-ġimgħa għall-irġiel.” Id-daqsijiet tad-drinks ivarjaw skont il-pajjiż, allura tajjeb tikkonsulta maʼ professjonista tas-saħħa biex jikkonferma x’inhu meqjus bħala xorb moderat għalik.

b Jekk ma tistax tikkontrolla kemm tixrob, jistaʼ jkun li għandek bżonn tfittex l-għajnuna professjonali.