Mur fil-kontenut

Huma l-Flus l-Għerq taʼ Kull Ħażen?

Huma l-Flus l-Għerq taʼ Kull Ħażen?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Le. Il-​Bibbja ma tgħidx li l-​flus huma ħżiena, u lanqas ma tgħid li l-​flus huma l-​kaġun prinċipali tal-​ħażen kollu. In-​nies jgħidu li l-​flus huma l-​għerq tal-​ħażen kollu, imma din hi kwotazzjoni meħuda mill-​Bibbja li la hi kompleta u lanqas eżatta. Fir-​realtà, il-​Bibbja tgħid li “l-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.”—1 Timotju 6:10, Karm Żammit, enfasi tagħna.

 Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​flus?

 Il-​Bibbja tirrikonoxxi li l-​flus, meta jintużaw bl-​għaqal, jistgħu jkunu utli, saħansitra taʼ “protezzjoni.” (Ekkleżjasti 7:12) Barra minn hekk, il-​Bibbja tfaħħar lil dawk li juru ġenerożità maʼ ħaddieħor, anki billi forsi jagħtu l-​flus.—Proverbji 11:25.

 Fl-​istess ħin, il-​Bibbja twissina biex ma nagħmlux il-​flus l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Din tgħid: “Ħa jkun il-​mod kif tgħixu ħieles mill-​imħabba għall-​flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-​preżent.” (Ebrej 13:5) It-​tagħlima hi li nużaw il-​flus sewwa u mhux nagħmlu minn kollox biex insiru sinjuri. Il-​mira tagħna għandha tkun li nkunu kuntenti bl-​affarijiet li verament għandna bżonn, bħall-​ikel, l-​ilbies, u fejn noqogħdu.—1 Timotju 6:8.

 Il-​Bibbja għala twissi dwar l-​imħabba għall-​flus?

 Min hu rgħib mhuwiex se jikseb il-​ħajja taʼ dejjem. (Efesin 5:5) Raġuni waħda hi li r-​regħba hi forma taʼ idolatrija, jew qima falza. (Kolossin 3:5) Raġuni oħra hi li biex jiksbu dak li jixtiequ, in-​nies regħba jabbandunaw prinċipji tajbin. Proverbji 28:20 jgħid li ‘dawk li qed iħaffu biex jiksbu r-​rikkezzi mhux se jibqgħu innoċenti.ʼ Dawn jaf jiġu ttantati biex iwettqu atti kriminali, bħal blackmail, estorsjoni, frodi, ħtif taʼ nies, jew qtil.

 Anki jekk l-​imħabba għall-​flus ma twassalx għal kondotta ħażina, din tistaʼ ġġib konsegwenzi negattivi oħra. Il-​Bibbja tgħid li “dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-​ħsara.”—1 Timotju 6:9.

 Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​pariri tal-​Bibbja dwar il-​flus?

 Jekk ma nagħmlux dak li hu ħażin biex nakkwistaw iktar flus, se jkollna rispett lejna nfusna, u l-​approvazzjoni u l-​appoġġ t’Alla. Alla jwiegħed dan lil dawk li b’mod sinċier jipprovaw jogħġbuh: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5, 6) Hu jassigurana wkoll li “bniedem li jaġixxi bil-​fedeltà se jikseb ħafna barkiet.”—Proverbji 28:20.