Mur fil-kontenut

Min hu Ġeħova?

Min hu Ġeħova?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Ġeħova hu l-​Alla l-​veru tal-​Bibbja, il-​Ħallieq tal-​affarijiet kollha. (Rivelazzjoni 4:11) Il-​profeti Abraham u Mosè kienu jaduraw lilu, bħalma għamel ukoll Ġesù. (Ġenesi 24:27; Eżodu 15:1, 2; Ġwanni 20:17) Hu mhuwiex Alla taʼ poplu wieħed, imma tal-​“art kollha.”—Salm 47:2.

 Ġeħova hu l-​isem uniku t’Alla bħalma għarrafna fil-​Bibbja. (Eżodu 3:15; Salm 83:18) Dan ġej minn verb Ebrajk li jfisser “li jsir,” u għadd taʼ studjużi jissuġġerixxu li l-​isem ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Din id-​definizzjoni tixraq ferm mal-​irwol taʼ Ġeħova bħala l-​Ħallieq u Dak li jwettaq l-​iskop tiegħu. (Isaija 55:10, 11) Il-​Bibbja tgħinna wkoll insiru nafu l-​Persuna li hemm wara l-​isem Ġeħova, b’mod speċjali l-​kwalità prinċipali tiegħu li hi l-​imħabba.—Eżodu 34:5-​7; Luqa 6:35; 1 Ġwanni 4:8.

 L-​isem Ġeħova bl-​Ebrajk jikkonsisti f’erbaʼ ittri יהוה (JĦWH), magħrufin bħala t-​Tetragrammaton. Il-​pronunzja eżatta tal-​isem divin bl-​Ebrajk tal-​qedem mhijiex magħrufa. Però, il-​kelma “Jehovah” bl-​Ingliż, li minnha ġie tradott bil-​Malti, għandha storja twila fil-​lingwa Ingliża. L-​ewwel li dehret kienet fit-​traduzzjoni tal-​Bibbja taʼ William Tyndale fl-​1530. a

Il-​pronunzja tal-​isem t’Alla bl-​Ebrajk tal-​qedem għala mhijiex magħrufa?

 L-​Ebrajk tal-​qedem kien jinkiteb mingħajr vokali, billi kienu jintużaw biss il-​konsonanti. Meta l-​Ebrajk tal-​qedem kien mitkellem fil-​ħajja taʼ kuljum, il-​qarrejja ma kinux isibu diffikultà jdaħħlu l-​vokali fejn ikun xieraq. Madankollu, wara li tlestiet l-​Iskrittura Ebrajka (“it-​Testment il-​Qadim”), xi wħud kellhom l-​idea superstizzjuża li kien ħażin li tgħid l-​isem personali t’Alla. Meta kienu jaqraw b’leħen għoli skrittura li kien fiha l-​isem t’Alla, minfloku kienu jgħidu espressjonijiet bħal “Mulej” jew “Alla.” Hekk kif għaddew mijiet taʼ snin, din is-​superstizzjoni nfirxet u eventwalment il-​pronunzja tal-​qedem intilfet. b

 Xi wħud iħossu li l-​isem divin kien jiġi mlissen “Jaħweh,” filwaqt li oħrajn jissuġġerixxu pronunzji differenti. Ir-​Romblu tal-​Baħar il-​Mejjet li fih silta minn Levitiku bil-​Grieg jittraduċi l-​isem divin bħala Jow. Il-​kittieba Griegi tal-​bidu jissuġġerixxu wkoll il-​pronunzji Jowe, Jobe, u Jouwe, imma m’hemm ebda evidenza li waħda minn dawn kienet il-​pronunzja li kienu jużaw l-​Ebrej tal-​qedem.

Ideat żbaljati dwar l-​isem t’Alla fil-​Bibbja

 Idea żbaljata: It-​traduzzjonijiet li jużaw “Ġeħova” żiedu dan l-​isem.

 Fatt: Il-​kelma Ebrajka għall-​isem t’Alla fil-​forma tat-​Tetragrammaton tidher mas-​7,000 darba fil-​Bibbja. c Ħafna traduzzjonijiet qabdu u neħħew l-​isem t’Alla u minfloku għamlu titlu bħal “Mulej.”

 Idea żbaljata: Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux bżonn isem uniku.

 Fatt: Alla nnifsu nebbaħ il-​kittieba tal-​Bibbja biex jużaw ismu eluf taʼ drabi, u hu jiggwida lil dawk li jqimuh biex jużaw ismu. (Isaija 42:8; Ġoel 2:32; Malakija 3:16; Rumani 10:13) Infatti, Alla kkundanna l-​profeti foloz li pprovaw inessu ismu lin-​nies.—Ġeremija 23:27.

 Idea żbaljata: Biex insegwu t-​tradizzjoni tal-​Lhud, l-​isem t’Alla għandu jitneħħa mill-​Bibbja.

 Fatt: Huwa minnu li xi skribi Lhud ma ridux jippronunzjaw l-​isem divin. Madankollu, huma ma neħħewhx mill-​kopji tagħhom tal-​Bibbja. Li hu żgur hu li Alla ma jridniex insegwu t-​tradizzjonijiet tal-​bniedem li jbegħduna mill-​kmandamenti tiegħu.—Mattew 15:1-​3.

 Idea żbaljata: L-​isem divin m’għandux jintuża fil-​Bibbja għax ma nafux kif kien jiġi pronunzjat eżattament bl-​Ebrajk.

 Fatt: Dan ir-​raġunar jassumi li Alla jistenna li n-​nies li jitkellmu lingwi differenti jippronunzjaw ismu kollha l-​istess. Però, il-​Bibbja tindika li l-​aduraturi t’Alla fil-​passat li kienu jitkellmu b’lingwi differenti kienu jlissnu l-​ismijiet b’modi differenti.

 Pereżempju, ikkunsidra l-​imħallef Iżraeli Ġożwè. Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu li kienu jitkellmu bl-​Ebrajk kienu jlissnu dan l-​isem Jesugħa, waqt li dawk li kienu jitkellmu bil-​Grieg kienu jgħidu Jejsus. Fil-​Bibbja hemm it-​traduzzjoni Griega tal-​isem Ġożwè bl-​Ebrajk, u dan juri li l-​Kristjani kienu għaqlin u użaw l-​isem li kien komuni bil-​lingwa tagħhom.—Atti 7:45; Ebrej 4:8.

 L-​istess prinċipju japplika għat-​traduzzjoni tal-​isem divin. Bil-​wisq iktar importanti mill-​pronunzja eżatta hu l-​fatt li l-​isem t’Alla jingħata postu kif jixraq fil-​Bibbja.

a Tyndale uża l-​isem “Iehouah” fit-​traduzzjoni tiegħu tal-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja. Maż-​żmien, il-​lingwa Ingliża nbidlet, u l-​mod kif jinkiteb l-​isem t’Alla ġie modernizzat. Pereżempju, fl-​1612, Henry Ainsworth uża l-​isem “Iehovah” fit-​traduzzjoni tiegħu tal-​ktieb tas-​Salmi. Imbagħad, meta fl-​1639 irriveda din it-​traduzzjoni, hu uża l-​isem “Jehovah.” Bl-​istess mod, fl-​1901, it-​tradutturi li ppubblikaw l-​American Standard Version tal-​Bibbja użaw l-​isem “Jehovah” fejn fit-​test Ebrajk deher l-​isem divin.

b In-​New Catholic Encyclopedia, Second Edition, Volume 14, paġni 883-​884, tgħid: “Xi żmien wara li spiċċa l-​Eżilju, l-​isem Jaħweh beda jitqies b’riverenza speċjali, u bdiet id-​drawwa li minflok l-​isem titpoġġa l-​kelma ADONAJ jew ELOĦIM.”

c Ara t-​Theological Lexicon of the Old Testament, Volume 2, paġni 523-​524.