Mur fil-kontenut

Jeżistu “s-sebaʼ dnubiet mejta”?

Jeżistu “s-sebaʼ dnubiet mejta”?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​Bibbja ma tagħtix b’mod speċifiku lista taʼ “sebaʼ dnubiet mejta.” Madankollu, tgħallem li l-​ipprattikar taʼ dnubiet serji se jżomm persuna milli tikseb salvazzjoni. Pereżempju, il-​Bibbja tirreferi għad-​dnubiet serji bħall-​immoralità sesswali, l-​idolatrija, l-​ispiritiżmu, l-​għadab, u s-​sokor bħala “l-​għemejjel tal-​laħam.” Imbagħad tgħid: “Min jipprattika dawn l-​affarijiet ma jiritx is-​saltna t’Alla.”—Galatin 5:19-​21. a

Il-​Bibbja ma tgħidx li sebgħa huma l-​affarijiet li l-​Mulej ma jaħmilx?

 Iva, hekk tgħid. Skont Il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, Proverbji 6:16 jgħid: “Sitt ħwejjeġ jobgħod il-​Mulej, sebgħa huma li ma jaħmilhomx.” Minkejja dan, il-​lista taʼ dnubiet li tiġi wara fi Proverbji 6:17-​19 ma tinkludix kollox. Minflok, tiddeskrivi kategoriji bażiċi li jirrappreżentaw kull tip taʼ att ħażin, inkluż dak tal-​ħsieb, tal-​kliem, u tal-​għemil. b

X’nifhmu bl-​espressjoni “dnub mejjet”?

 Xi traduzzjonijiet jużaw din l-​espressjoni fl-​1 Ġwanni 5:16. Pereżempju, The New American Bible tgħid: “Hemm xi ħaġa li tissejjaħ dnub mejjet.” L-​espressjoni “dnub mejjet” tistaʼ tiġi tradotta wkoll ‘dnub li jwassal għall-​mewt.’ X’differenza hemm bejn ‘dnub li jwassal għall-​mewt’ u “dnub li ma jwassalx għall-​mewt”?—1 Ġwanni 5:16, Il-​Bibbja, GħBM.

 Il-​Bibbja tagħmilha ċara li d-​dnubiet kollha jwasslu għall-​mewt. Madankollu, nistgħu niġu salvati mid-​dnub u l-​mewt permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu. (Rumani 5:12; 6:23) Iżda ‘dnub li jwassal għall-​mewt’ hu wieħed li mhux mifdi bil-​fidwa taʼ Kristu. Persuna li tagħmel dan it-​tip taʼ dnub hija tant determinata li ssegwi korsa midinba li qatt mhu se tbiddel l-​attitudni jew il-​kondotta tagħha. Ukoll, il-​Bibbja tirreferi għal dnub bħal dan bħala wieħed li “ma jinħafirx.”—Mattew 12:31; Luqa 12:10.

a Il-​lista taʼ ħmistax-​il eżempju taʼ dnubiet serji li tinsab f’​Galatin 5:19-​21 ma tiġborx kollox, għax wara li jissemmew, il-​Bibbja żżid il-​kliem “u affarijiet bħal dawn.” Għalhekk, il-​qarrej hu inkuraġġit biex juża d-​dixxerniment ħalli jidentifika affarijiet li jistgħu ma jkunux imniżżlin imma li huma “bħal dawn.”

b Proverbji 6:16 fih eżempju taʼ idjoma Ebrajka li tenfasizza t-​tieni numru billi tpoġġih f’kuntrast mal-​ewwel wieħed. Din it-​tip taʼ espressjoni tidher spiss fl-​Iskrittura.—Ġob 5:19; Proverbji 30:15, 18, 21.