Mur fil-kontenut

Kif insir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

Kif insir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

 Il-​passi li għandek tagħmel biex issir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma deskritti minn Ġesù u tistaʼ ssibhom f’​Mattew 28:19, 20. Is-​silta tenfasizza x’għandu bżonn jagħmel dak li jkun biex isir dixxiplu taʼ Kristu, u dan jinvolvi li jitkellem, jew jagħti xhieda, dwar Ġeħova.

 L-​1 pass: Sir af x’tgħallem il-​Bibbja. Ġesù ordna lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli u jgħallmuhom.’ (Mattew 28:19, 20) Il-​kelma tradotta “dixxiplu” letteralment tfisser “wieħed li jitgħallem.” Il-​Bibbja, speċjalment it-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu, fiha l-​informazzjoni meħtieġa biex ikollok ħajja ferħana u sodisfaċenti. (2 Timotju 3:16, 17) Aħna nieħdu pjaċir ngħinuk issir taf dak li tgħallem il-​Bibbja permezz taʼ studju tal-​Bibbja b’xejn.—Mattew 10:7, 8; 1 Tessalonikin 2:13.

 It-​2 pass: Ipprattika dak li titgħallem. Ġesù qal ukoll lil dawk li qed jitgħallmu li għandhom ‘josservaw dak kollu li ordnalhom.’ (Mattew 28:20) Dan ifisser li l-​istudju tiegħek tal-​Bibbja għandu jkun iktar milli sempliċiment tikseb għarfien ġdid—jaf ukoll ikollok tagħmel bidliet sinifikanti fil-​mod kif taħseb u taġixxi. (Atti 10:42; Efesin 4:22-​29; Ebrej 10:24, 25) Imbagħad, dawk li jobdu l-​kmandi taʼ Ġesù jitqanqlu biex jieħdu deċiżjoni persunali ħalli jsegwuh billi jiddedikaw ħajjithom lil Alla Ġeħova.—Mattew 16:24.

 It-​3 pass: Tgħammed. (Mattew 28:19) Fil-​Bibbja, il-​magħmudija hi mqabbla maʼ dfin. (Qabbel Rumani 6:2-​4.) Din isservi bħala simbolu taʼ mewt mill-​ħajja taʼ qabel u bidu għall-​ħajja ġdida. B’hekk, billi titgħammed tkun qed turi lil oħrajn li għamilt l-​ewwel żewġ passi li ddeskriva Ġesù u li qed titlob lil Alla biex jagħtik kuxjenza nadifa.—Ebrej 9:14; 1 Pietru 3:21.

Kif se nkun naf jekk iniex lest biex nitgħammed?

 Kellem lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Huma se jitkellmu miegħek biex jagħmlu ċert li int qed tifhem dan x’jinvolvi, li qed tapplika dak li qed titgħallem, u li ddedikajt lilek innifsek lil Alla minn jeddek.—Atti 20:28; 1 Pietru 5:1-​3.

Dawn il-​passi japplikaw ukoll għal tfal li l-​ġenituri tagħhom huma Xhieda?

 Iva. Aħna nrabbu lil uliedna “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova,” bħalma tikkmandana l-​Bibbja. (Efesin 6:4) Madankollu, hekk kif jikbru, huma jridu jieħdu d-​deċiżjoni persunali biex jitgħallmu, jaċċettaw, u japplikaw dak li tgħallem il-​Bibbja qabel ma jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-​magħmudija. (Rumani 12:2) Fl-​aħħar mill-​aħħar, kull individwu għandu jagħżel hu stess it-​twemmin tiegħu.—Rumani 14:12; Galatin 6:5.