Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’taf dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova?

X’taf dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova?

Tarana fix-xogħol pubbliku tagħna. Forsi qrajt dwarna f’rapporti tal-aħbarijiet jew smajt affarijiet dwarna mingħand ħaddieħor. Imma kemm taf verament dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova?

ARA KEMM TAF

Immarka kull sentenza veru jew falz.

VERU FALZ

  1. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma Kristjani.

  2. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li Alla ħalaq l-art f’sitt ijiem taʼ 24 siegħa kull wieħed.

  3. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jaċċettawx kura medika.

  4. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jaċċettaw il-Bibbja kollha.

  5. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw il-verżjoni tagħhom tal-Bibbja biss.

  6. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova biddlu l-Bibbja tagħhom biex taqbel mat-twemmin li jħaddnu.

  7. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jevitaw li jinvolvu ruħhom fil-komunità.

  8. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistmerru lil nies taʼ reliġjonijiet oħra.

Għat-tweġibiet, ara l-paġni li jmiss.

  1. 1 VERU. Aħna nipprovaw insegwu mill-qrib it-tagħlim u l-kondotta taʼ Ġesù Kristu. (1 Pietru 2:21) Però, b’diversi modi aħna differenti minn gruppi reliġjużi oħra li jissejħu Kristjani. Pereżempju, sibna li l-Bibbja tgħallem li Ġesù hu Bin Alla; mhux parti minn Trinità. (Marku 12:29) Ma nemmnux li r-ruħ hi immortali jew li hemm bażi Skritturali li tagħti x’tifhem li Alla jitturmenta lin-nies f’infern għal dejjem. U ma nemmnux li dawk li jmexxu l-attivitajiet reliġjużi għandu jkollhom titli li jgħolluhom fuq ħaddieħor.—Ekkleżjasti 9:5; Eżekjel 18:4; Mattew 23:8-10.

  2. 2 FALZ. Aħna nemmnu li Alla ħalaq kollox. Imma ma naqblux maʼ ħafna li jemmnu li Alla ħalaq l-art f’sitt ijiem letterali. Għala le? Għax diversi ideat taʼ dawk li jemmnu dan jikkontradixxu l-Bibbja. Huma jisħqu li s-sitt ijiem tal-ħolqien kienu jiem taʼ 24 siegħa kif nafuhom aħna. Imma l-kelma “jum” fil-Bibbja tistaʼ tirreferi għal żmien twil mhux ħażin. (Ġenesi 2:4; Salm 90:4) Barra minn hekk, xi wħud jgħallmu li l-art għandha biss ftit eluf taʼ snin. Madankollu, il-Bibbja tindika li l-art u l-univers eżistew ħafna qabel is-sitt ijiem tal-ħolqien. 1Ġenesi 1:1.

  3. 3 FALZ. Aħna naċċettawha l-kura medika. Infatti, uħud minna huma tobba, bħalma kien il-Kristjan tal-ewwel seklu li kien jismu Luqa. (Kolossin 4:14) Però, ma naċċettaw l-ebda kura li tmur kontra prinċipji Bibliċi. Pereżempju, ma naċċettawx it-trasfużjonijiet tad-demm għax il-Bibbja tipprojbixxi li nieħdu d-demm.—Atti 15:20, 28, 29.

    Xorta waħda, infittxu l-aqwa kura medika possibbli għalina nfusna u għall-familja tagħna. Infatti, kuri għall-konservazzjoni tad-demm li ġew żviluppati għal pazjenti Xhieda issa qed jintużaw biex jibbenefika minnhom kulħadd. F’ħafna pajjiżi, kwalunkwe pazjent issa jistaʼ jagħżel li jevita r-riskji li jiġu mit-trasfużjonijiet tad-demm, bħal mard li jittieħed mid-demm, reazzjonijiet tas-sistema tal-immunità, u żbalji umani.

  4. 4 VERU. Aħna nemmnu li l-Bibbja kollha hi “mnebbħa minn Alla u tiswa.” (2 Timotju 3:16) Dan jinkludi t-Testment il-Qadim kif ukoll it-Testment il-Ġdid, bħalma huma spiss imsejħin. Aħna ġeneralment nirreferu għal dawn il-partijiet tal-Bibbja bħala l-Iskrittura Ebrajka u l-Iskrittura Griega Kristjana. B’hekk, nevitaw li nagħtu l-impressjoni li xi partijiet tal-Bibbja huma antikwati jew irrilevanti.

  5. 5 FALZ. Aħna nużaw ħafna traduzzjonijiet fl-istudju tagħna tal-Bibbja. Madankollu, f’lingwi li fihom hi disponibbli t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, napprezzaw b’mod speċjali din il-verżjoni minħabba l-użu tagħha tal-isem t’Alla, għall-eżattezza tagħha, u għall-fatt li faċli tiġi mifhuma. Ikkunsidra l-użu taʼ isem Alla, Ġeħova. Fl-introduzzjoni taʼ traduzzjoni waħda tal-Bibbja, hemm lista tal-ismijiet taʼ 79 persuna li b’xi mod jew ieħor għenu biex issir it-traduzzjoni. Madankollu din l-istess Bibbja tħalli barra l-isem tal-Awtur innifsu—Alla Ġeħova! B’kuntrast maʼ dan, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tpoġġi l-isem divin fl-eluf taʼ postijiet fejn kien jidher fit-test oriġinali. 2

  6. 6 FALZ. Meta skoprejna li t-twemmin tagħna ma kienx eżattament fi qbil mal-Bibbja, biddilna l-fehma tagħna. Ħafna qabel ma bdejna nipproduċu t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa bl-Ingliż fl-1950, konna nużaw traduzzjonijiet li kienu disponibbli u fformajna t-twemmin tagħna skont dawn.

  7. 7 FALZ. Ix-xogħol tal-ippritkar tagħna jġib benefiċċji lil ħafna fil-komunità. Għenna lil ħafna nies jegħlbu vizzji taʼ ħsara, bħall-abbuż tad-droga u l-alkoħol. Il-klassijiet li norganizzaw madwar id-dinja biex ngħallmu lin-nies jiktbu u jaqraw jgħinu lil eluf jagħmlu proprju dan. Ngħinu wkoll meta jkun hemm xi diżastru billi nipprovdu għajnuna prattika kemm lil Xhieda u kemm lil dawk li mhumiex. Nipprovaw nagħtu s-sapport emozzjonali u spiritwali li tant ikollhom bżonn il-vittmi fi żminijiet bħal dawn. 3

  8. 8 FALZ. Aħna nsegwu l-parir Bibliku biex ‘nagħtu ġieħ lil kulħadd’—hu x’inhu t-twemmin reliġjuż tiegħu. (1 Pietru 2:17, Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija) Pereżempju, għalkemm f’xi pajjiżi hemm mijiet taʼ eluf taʼ Xhieda, ma nipprovawx nagħmlu pressjoni fuq il-politiċi jew dawk li jagħmlu l-liġijiet biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu x-xogħol taʼ gruppi reliġjużi oħra. Lanqas ma nagħmlu kampanji biex isiru liġijiet li jimponu t-twemmin morali u reliġjuż tagħna fuq il-komunità. Pjuttost, nestendu lil oħrajn l-istess tolleranza li napprezzaw li nirċievu mingħandhom aħna.—Mattew 7:12.

Dan l-artiklu fih informazzjoni magħżula mill-Websajt uffiċjali tagħna, jw.org/mt. Għal iżjed informazzjoni, ikklikkja fuq DWARNA > MISTOQSIJIET KOMUNI.

^ 1. Għal din ir-raġuni, m’għandna l-ebda oġġezzjoni—bħalma għandhom xi wħud li jħaddnu dan it-twemmin—għal riċerka xjentifika konvinċenti li tindika li l-art jistaʼ jkun li għandha biljuni taʼ snin.

^ 2. Hemm xi ħaġa oħra li tagħmel it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tispikka: Titqassam bla ħlas. B’hekk, miljuni taʼ nies jistgħu jaqraw il-Bibbja bil-lingwa tagħhom stess. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida issa hi disponibbli f’xi 130 lingwa. Tistaʼ taqraha wkoll onlajn fuq www.mt711.com/mt.

^ 3. Mod wieħed kif nużaw il-kontribuzzjonijiet hu billi nipprovdu għajnuna lill-vittmi tad-diżastri. (Atti 11:27-30) Ladarba x-xogħol isir minn volontieri li ma jitħallsux, il-fondi allokati jintefqu kollha fl-għajnuna, u mhux f’pagi amministrattivi.