Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta l-Adoloxxent Tiegħek Jibda Jiddubita mit-Twemmin Tiegħek

Meta l-Adoloxxent Tiegħek Jibda Jiddubita mit-Twemmin Tiegħek

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Meta l-​Adoloxxent Tiegħek Jibda Jiddubita mit-​Twemmin Tiegħek

Huma u jimmaturaw, ħafna żgħażagħ jagħżlu li jadottaw ir-​reliġjon tal-​ġenituri tagħhom. (2 Timotju 3:14) Iżda, xi wħud jagħżlu li ma jadottawhiex. X’tistaʼ tagħmel jekk bintek jew ibnek li qed jikber jibda jiddubita mit-​twemmin tiegħek? Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jittrattaw maʼ sfida bħal din.

“Ma rridx insegwi r-​reliġjon tal-​ġenituri tiegħi iktar. Qtajt qalbi.”​—Cora, li għandha 18-​il sena. *

INT tinsab konvint li r-​reliġjon tiegħek tgħallem il-​verità dwar Alla. Temmen li l-​Bibbja toffri l-​aqwa mod taʼ ħajja. Għalhekk, huwa naturali li int tipprova ddaħħal dawn il-​valuri f’qalb ibnek. * (Dewteronomju 6:6, 7) Imma xi ngħidu jekk, hekk kif jikber, ibnek jitlef l-​interess fl-​affarijiet spiritwali? Xi ngħidu jekk jibda jiddubita mill-​istess fidi li donnu aċċetta bil-​ħerqa meta kien tifel?—Galatin 5:7.

Jekk dan hu l-​każ, tikkonkludix li fallejt bħala ġenitur Kristjan. Jistaʼ jkun hemm fatturi oħrajn involuti, kif se naraw. Però, kun af dan: Il-​mod kif tirreaġixxi għad-​dubji taʼ ibnek jistaʼ jagħmel id-​differenza bejn jekk hux se jagħżel li jersaq eqreb lejn il-​fidi tiegħek jew jitbiegħed iktar minnha. Jekk int taġixxi qisek dieħel f’xi battalja kontra ibnek minħabba din il-​problema, se jkollok taqbida diffiċli ferm—taqbida li wisq probabbli se titlef.—Kolossin 3:21.

Ikun bil-​wisq aħjar li tagħti kas it-​twissija tal-​appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Ilsir tal-​Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd, kwalifikat biex jgħallem, iżomm ruħu mrażżan.” (2 Timotju 2:24) Kif tistaʼ turi li int ‘kwalifikat biex tgħallem’ jekk l-​adoloxxent tiegħek jibda jiddubita mit-​twemmin li tħaddan?

Idħol fil-​Qalba tal-​Kwistjoni

L-​ewwel, ipprova agħraf liema affarijiet jistgħu jkunu qed jinfluwenzaw il-​ħarsa taʼ ibnek. Pereżempju:

Iħossu waħdu u bla ħbieb fil-​kongregazzjoni Kristjana? “Peress li ridt il-​ħbieb, bdejt nagħmilha ħafna maʼ xi wħud mill-​iskola, u dan fixkel it-​tkabbir spiritwali tiegħi għal snin sħaħ. Tlift l-​interess fl-​affarijiet spiritwali l-​iktar minħabba l-​assoċjazzjoni ħażina, u issa hemm ħafna affarijiet li jiddispjaċini għalihom.”—Lenore, li għandha 19-​il sena.

Għandu nuqqas taʼ fiduċja fih innifsu, u għalhekk isibha bi tqila biex jitkellem dwar il-​fidi tiegħu? “Meta kont l-​iskola kont inżomm lura milli naqsam it-​twemmin tiegħi maʼ sħabi tal-​klassi. Bżajt li jarawni bħala wieħed stramb jew xi ‘qaddis.’ Kwalunkwe persuna li kienet differenti kienet tiġi mwarrba, u ma ridtx li dan jiġri lili.”—Ramón, li għandu 23 sena.

Iħossu li ma jiflaħx għar-​responsabbiltà li jgħix fi qbil mal-​livelli Kristjani? “Inħoss bħallikieku l-​wegħda tal-​Bibbja taʼ ħajja taʼ dejjem tinsab fuq nett taʼ taraġ għoli, u jien għadni lanqas irfist fuq l-​ewwel tarġa; qiegħda ’l bogħod ħafna minnha. Tant nibżaʼ nibda nitlaʼ t-​taraġ li ġieli ħsibt dwar li nċedi l-​fidi tiegħi.”—Renee, li għandha 16-​il sena.

Tkellmu Dwarha

X’tistaʼ tkun il-​vera problema li l-​adoloxxent tiegħek qed jiffaċċja? L-​aqwa mod kif issir taf hu billi tistaqsih! Iżda, oqgħod attent li d-​diskussjoni ma tinbidilx malajr f’argument. Minflok, segwi t-​tħeġġiġ f’​Ġakbu 1:9: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ Kun paċenzjuż miegħu. Uża ‘l-​paċenzja kollha u l-​arti tat-​tagħlim,’ l-​istess kif kieku tagħmel maʼ xi ħadd barra l-​familja.—2 Timotju 4:2.

Pereżempju, jekk ibnek ma jridx jiġi l-​laqgħat Kristjani, ipprova sir af jekk hemmx xi ħaġ’oħra li qiegħda ddejqu. Imma agħmel dan bil-​paċenzja. Ma tantx jinkiseb ġid mill-​ġenitur fis-​sitwazzjoni li ġejja.

Iben: M’għadnix inħobb immur il-​laqgħat.

Missier: [ton ostili] Xi trid tgħid biha ma tħobbx tmur?

Iben: Idejquni!

Missier: Hekk tħossok dwar Alla? Idejqek? Ma jinteressanix! Sakemm tgħix taħt is-​saqaf tagħna, se tiġi magħna—trid jew ma tridx.

Alla jistenna li l-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom dwaru u li t-​tfal jobdu lill-​ġenituri tagħhom. (Efesin 6:1) Madanakollu, int ma tridx li ibnek sempliċement isegwi r-​rutina spiritwali tiegħek b’mod mekkaniku u li kontra qalbu jiġi miegħek il-​laqgħat Kristjani. Jekk inhu possibbli, tixtiequ jiġi minn qalbu u jkun moħħu hemm.

Għandek iktar ċans li twettaq dan jekk tidħol fil-​qalba tal-​kwistjoni u tara x’jistaʼ jkun li qed iżid mal-​attitudni tiegħu. B’dan f’moħħna, ikkunsidra kif il-​konversazzjoni t’hawn fuq setgħet saret b’mod iktar effettiv.

Iben: M’għadnix inħobb immur il-​laqgħat.

Missier: [bil-​kalma] Għala tħossok hekk?

Iben: Idejquni!

Missier: Vera, tistaʼ tiddejjaq toqgħod bilqiegħda għal siegħa jew sagħtejn. Imma x’inhi l-​iktar ħaġa li ssib taʼ sfida int?

Iben: Jien naf? Naħseb nippreferi nkun xi mkien ieħor.

Missier: L-​istess iħossuhom il-​ħbieb tiegħek?

Iben: Xi ħbieb huma? Dik hi l-​problema! M’għandix ħbieb—jew imissni ngħid, m’għadx għandi. Mindu siefer sieħbi, inħoss li m’hemm ħadd li nistaʼ nitkellem miegħu! Kulħadd qed jieħu gost minbarra jien. Inħossni bħal ħuta barra mill-​ilma!

Billi joħroġ dak li kien hemm f’qalb l-​adoloxxent, il-​missier fis-​sitwazzjoni t’hawn fuq mhux biss jasal fil-​qalba tal-​kwistjoni—li f’dan il-​każ kienet li t-​tifel ħassu waħdu—imma wkoll jibni l-​fiduċja, u b’hekk iħalli l-​bieb miftuħ għal iktar diskussjonijiet.—Ara l-​kaxxa “Kun Paċenzjuż!” li tinsab hawn taħt.

Maż-​żmien, ħafna żgħażagħ jindunaw li jekk jegħlbu l-​isfidi li qed iżommuhom milli jikbru spiritwalment, huma ġeneralment se jħossuhom aħjar kemm dwarhom infushom kif ukoll dwar il-​fidi tagħhom. Ikkunsidra lil Ramón, żagħżugħ ikkwotat qabel li żamm lura milli jidentifika lilu nnifsu bħala Kristjan fl-​iskola. Eventwalment, Ramón sab li ma kienx trawmatiku daqskemm ħaseb li jitkellem dwar il-​fidi tiegħu—anke meta dan wassal għal twaqqigħ għaċ-​ċajt. Hu jirrakkonta:

“Darba minnhom tifel fl-​iskola kien qed jaqbad miegħi minħabba r-​reliġjon tiegħi. Tgħidx kemm ħassejtni ansjuż, u indunajt li l-​klassi kollha kienet qed tismaʼ. Imbagħad iddeċidejt li ndawwar id-​diskussjoni fuqu u nistaqsi lilu dwar il-​fidi tiegħu. Bqajt skantat meta rajt li hu kien saħansitra iktar ansjuż minni! Imbagħad irrealizzajt li ħafna żgħażagħ għandhom twemmin reliġjuż, imma ma jifhmuhx. Għall-​inqas jien kapaċi nispjega t-​twemmin tiegħi. Fil-​verità, meta niġu biex nitkellmu dwar il-​fidi, sħabi tal-​klassi jmisshom iħossuhom skomdi—mela jien!”

IPPROVA DAN: Oħroġ dak li hemm f’qalb ibnek billi tistaqsih kif iħossu dwar li jkun Kristjan. Fl-​opinjoni tiegħu, x’inhuma l-​benefiċċji? X’inhuma l-​isfidi? Hemm iktar benefiċċji milli sfidi? Jekk iva, b’liema mod? (Marku 10:29, 30) L-​adoloxxent tiegħek jistaʼ jikteb il-​ħsibijiet tiegħu fuq karta billi jagħmel żewġ kolonni—tax-​xellug għall-​isfidi u tal-​lemin għall-​benefiċċji. Li jara ħsibijietu bil-​miktub jistaʼ jgħin lil ibnek jidentifika x’inhi l-​problema tiegħu u jsib soluzzjoni.

“Il-​Qawwa tar-​Raġuni” tal-​Adoloxxent Tiegħek

Il-​ġenituri u l-​esperti raw li hemm differenza kbira bejn il-​mod kif jaħsbuha t-​tfal żgħar u l-​mod kif jaħsbuha l-​adoloxxenti. (1 Korintin 13:11) Waqt li t-​tfal żgħar ġeneralment jaħsbu b’mod konkret, bl-​iswed jew bl-​abjad, l-​adoloxxenti għandhom it-​tendenza li jirraġunaw dwar l-​affarijiet b’mod iktar astratt. Pereżempju, tifel żgħir jistaʼ jiġi mgħallem li Alla ħalaq l-​affarijiet kollha. (Ġenesi 1:1) Madanakollu, adoloxxent għandu mnejn jissielet maʼ mistoqsijiet bħal: ‘Kif naf li hemm Alla? Alla taʼ mħabba għala jippermetti l-​ħażen? Kif jistaʼ jkun veru li Alla minn dejjem eżista?’—Salm 90:2.

Forsi tħoss li mistoqsijiet bħal dawn jirrappreżentaw pass lura fil-​fidi taʼ ibnek. Iżda, fir-​realtà jistgħu jirrappreżentaw pass ’il quddiem. Wara kollox, il-​mistoqsijiet jistgħu jkunu aspett importanti tat-​tkabbir spiritwali taʼ Kristjan.—Atti 17:2, 3.

Iktar minn hekk, ibnek qed jitgħallem juża “l-​qawwa tar-​raġuni” tiegħu. (Rumani 12:1, 2) B’hekk, hu jistaʼ jifhem “il-​wisaʼ u t-​tul u l-​għoli u l-​fond” tal-​fidi Kristjana b’tali mod li sempliċement ma setax bħala tifel. (Efesin 3:18) Iktar minn qatt qabel, issa hu ż-​żmien biex tgħin lil ibnek jirraġuna fuq it-​twemmin tiegħu ħalli jkun jistaʼ jiżviluppa konvinzjonijiet sodi rigward il-​fidi tiegħu.—Proverbji 14:15; Atti 17:11.

IPPROVA DAN: Mur lura għall-​affarijiet bażiċi maʼ ibnek, erġgħu ddiskutu suġġetti li int—u hu—forsi tarawhom bħala ovvji. Pereżempju, qanqlu jaħseb fuq mistoqsijiet bħal: ‘X’jikkonvinċi lili li hemm Alla? X’evidenza nara jien li Alla jimpurtah minni? Għala nħoss li dejjem se jaħbatli tajjeb jekk nobdi l-​liġijiet t’Alla?’ Oqgħod attent li ma timponix l-​opinjonijiet tiegħek fuq ibnek. Minflok, għinu jiżviluppa l-​konvinzjonijiet tiegħu stess. B’dan il-​mod se jsibha eħfef li jibni l-​fiduċja fit-​twemmin tiegħu.

“Emmint Għax Sirt Konvint li Hu Minnu”

Il-​Bibbja titkellem dwar iż-​żagħżugħ Timotju li kien jaf il-​kitba qaddisa ‘mindu kien tarbija.’ Però, l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu.” (2 Timotju 3:14, 15) Bħal Timotju, ibnek forsi ġie mħarreġ fil-​livelli tal-​Bibbja mit-​twelid. Imma issa għandek bżonn tgħinu jsir konvint ħalli jiżviluppa l-​konvinzjonijiet tiegħu stess.

Il-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 1, jgħid: “Dment li ibnek ikun għadu jgħix taħt l-​istess saqaf tiegħek, int għandek id-​dritt titolbu josserva r-​rutina spiritwali tiegħek. Però, fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​mira tiegħek hi li tnaqqax imħabba għal Alla f’qalb ibnek—mhux li sempliċement iġġiegħlu jaġixxi b’mod mekkaniku.” Billi żżomm din il-​mira f’moħħok, int tkun tistaʼ tgħin lil ibnek isir ‘sod fil-​fidi’ ħalli l-​verità tal-​Bibbja ssir il-​mod tal-​ħajja tiegħu—mhux biss tiegħek. *1 Pietru 5:9.

[Noti ta’ taħt]

^ par. 4 L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

^ par. 5 Biex ikun eħfef, se nirreferu għall-​adoloxxent fil-​maskil f’dan l-​artiklu. Imma l-​prinċipji diskussi japplikaw kemm għall-​ġuvintur u kemm għat-​tfajliet.

^ par. 40 Għal iktar informazzjoni, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Lulju, 2009, paġni 18-​20, u l-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 1, paġni 315-​318.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

▪ Kif nirreaġixxi meta ibni jibda jiddubita mit-​twemmin tiegħi?

▪ Kif nistaʼ nuża l-​materjal f’dan l-​artiklu biex intejjeb il-​mod kif nirreaġixxi?

[Kaxxa f’paġna 19]

Imqarrqin?

Ħrafa: Ġenituri li huma Xhieda taʼ Ġeħova jġiegħlu lil uliedhom isegwu l-​fidi tagħhom.

Fatt: Ġenituri li huma Xhieda jistinkaw biex idaħħlu sew f’qalb uliedhom imħabba għal Alla, eżatt kif il-​Bibbja tikkmandahom jagħmlu. (Efesin 6:4) Minkejja dan, huma jirrealizzaw li meta t-​tifel isir adult, hu se jagħmel għażla persunali rigward il-​qima. —Rumani 14:12; Galatin 6:5.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]

Kun Paċenzjuż!

Jistaʼ jkollok bżonn ħafna paċenzja meta titkellem mal-​adoloxxent tiegħek. Imma meta tara lil ibnek jafdak iktar u iktar, se tara li l-​isforz hu taʼ min jagħmlu. Żagħżugħa tirrakkonta: “Darba filgħaxija għedt lil missieri li bil-​moħbi kelli paġna fuq netwerk soċjali, kelli għarus, u ridt naħrab mid-​dar. Veru baqaʼ kalm hekk kif iddiskuta kollox miegħi! Ma nafx missier ieħor li kien jibqaʼ bilqiegħda u ma jibdiex jgħajjat maʼ bintu meta jsir jaf li kienet bieset ġuvni u li kienet qed tibgħatlu messaġġi l-​ħin kollu. Inħoss li m’hemm xejn li ma nistax ngħid lil missieri. Naf li verament irid jgħinni.”

[Kaxxa f’paġna 21]

L-​Importanza taʼ Xi Ħadd li Jistaʼ Jkun t’Eżempju Għalih

Kultant, iż-​żgħażagħ jiġu megħjunin meta adult barra miċ-​ċirku tal-​familja jkun sors taʼ inkuraġġiment għalihom. Taf lil xi ħadd li bil-​mod kif iħares lejn l-​affarijiet spiritwali jistaʼ jkun t’għajnuna għal ibnek? Għala ma tagħmilx arranġamenti biex iqattgħu xi ħin flimkien? L-​iskop tiegħek mhuwiex li tfarfar ir-​responsabbiltà li għandek. Imma ftakar f’Timotju. Hu bbenefika bil-​kbir mill-​eżempju tal-​appostlu Pawlu, u Pawlu bbenefika bil-​kbir minn sieħbu Timotju.—Filippin 2:20, 22. *

[Nota ta’ taħt]

^ par. 57 Mill-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 1, l-​edizzjoni tal-​2011, paġna 318, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.