Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jisforzaw lil Uliedhom biex Jemmnu Bħalhom?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jisforzaw lil Uliedhom biex Jemmnu Bħalhom?

 Le, għaliex li tqim lil Alla hija deċiżjoni personali. (Rumani 14:12) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu l-prinċipji tal-Bibbja lil uliedhom, imma meta dawn jikbru, kull wieħed minnhom għandu jiddeċiedi għalih innifsu jekk isirx wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.—Rumani 12:2; Galatin 6:5.

 Bħall-biċċa l-kbira mill-ġenituri, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jixtiequ l-aħjar għal uliedhom. Huma jgħallmu lit-tfal tagħhom dak li jaħsbu li se jkun taʼ benefiċċju għalihom: snajjaʼ prattiċi, kif ukoll prinċipji morali u tagħlim reliġjuż. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li l-Bibbja tippromwovi l-aħjar mod taʼ ħajja. Allura huma jipprovaw jgħallmu l-valuri tal-Bibbja lit-tfal tagħhom billi jistudjaw il-Bibbja magħhom u jattendu laqgħat Kristjani flimkien. (Dewteronomju 6:6, 7) Meta jikbru, it-tfal imbagħad ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni. Din tkun ibbażata fuq dak li jkunu tgħallmu dwar jekk jibdewx jemmnu bħall-ġenituri tagħhom.

 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jgħammduhom lit-trabi?

 Le, il-Bibbja ma tappoġġjax il-magħmudija tat-trabi. Pereżempju, il-Bibbja turi li qabel ma tgħammdu, il-Kristjani tal-ewwel seklu semgħu l-messaġġ, ‘laqgħuh mill-qalb,’ u nidmu. (Atti 2:14, 22, 38, 41) B’hekk, biex wieħed jitgħammed, hu għandu jkun kbir biżżejjed biex jifhem dak li tgħallem il-Bibbja, għandu jemmnu, u għandu jieħu deċiżjoni li jgħix skont dak it-tagħlim. Dawn huma affarijiet li tarbija ma tistax tagħmel.

 Huma u jikbru, it-tfal maż-żmien għandhom mnejn jagħżlu li jitgħammdu. Madankollu, biex jagħmlu dan, huma għandhom jifhmu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li jkunu qed jieħdu.

 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jwaqqfu l-kuntatt mat-tfal tagħhom jekk dawn jagħżlu li ma jitgħammdux?

 Le. Għalkemm ġenituri li jkunu Xhieda jiddispjaċihom jekk xi ħadd mit-tfal tagħhom ma jemminx bħalhom, huma xorta jibqgħu jħobbu lil uliedhom. Ukoll, ma jwaqqfux il-kuntatt magħhom sempliċement għaliex xi ħadd mit-tfal tagħhom irrifjuta li jsir Xhud.

Kull individwu, żgħir jew kbir, għandu jiddeċiedi għalih innifsu jekk jitgħammidx jew le

 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jieħdu lil uliedhom magħhom meta jippritkaw?

 Aħna ninkludu lit-tfal tagħna fix-xogħol tal-ippritkar għal diversi raġunijiet. a

  •   Il-Bibbja tgħid lill-ġenituri biex jgħallmu lit-tfal tagħhom dwar Alla u jħarrġuhom biex iqimuh. (Efesin 6:4) Ladarba l-qima tinvolvi li wieħed jistqarr il-fidi tiegħu pubblikament, l-ippritkar hu parti importanti milli tgħallem lit-tfal dwar Alla.—Rumani 10:9, 10; Ebrej 13:15.

  •   Il-Bibbja tinkuraġġixxi b’mod speċifiku lil uħud żgħar biex ‘ifaħħru isem il-Mulej.’ (Salm 148:12, 13, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Mod importanti kif tfaħħar lil Alla hu billi titkellem maʼ oħrajn dwaru. b

  •   It-tfal jibbenefikaw b’mod prattiku meta jippritkaw mal-ġenituri tagħhom. Pereżempju, huma jitgħallmu jikkomunikaw maʼ kull tip taʼ nies, u jiksbu kwalitajiet taʼ valur bħal li jħennu, juru qalb tajba, jirrispettaw lil oħrajn, u jimpurtahom iktar minn oħrajn milli minnhom infushom. Ukoll, huma jsiru iktar familjari mal-bażi Skritturali taʼ dak li jemmnu.

 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jipparteċipaw fil-festi pubbliċi jew ċelebrazzjonijiet oħra?

 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem f’festi reliġjużi jew ċelebrazzjonijiet oħra li ma jogħġbux lil Alla. c (2 Korintin 6:14-17; Efesin 5:10) Pereżempju, aħna ma nipparteċipawx f’ċelebrazzjonijiet tal-birthdays jew tal-Milied, li għandhom oriġini li mhix Kristjana.

 Minkejja dan, aħna nieħdu pjaċir inqattgħu l-ħin mal-familja u nagħtu rigali b’mod ġeneruż lit-tfal tagħna. Minflok ma nistennew ġranet speċifiċi biss biex ninġabru bħala familja u nagħtu rigali lil xulxin, aħna nagħmlu dan matul is-sena kollha.

Il-ġenituri Kristjani jieħdu pjaċir jagħtu rigali lit-tfal tagħhom

a B’mod ġenerali, it-tfal tax-Xhieda ma jipparteċipawx fix-xogħol tal-ippritkar jekk ma jkunx hemm xi ġenitur jew persuna oħra responsabbli.

b Il-Bibbja ssemmi diversi tfal li għoġbu lil Alla billi tkellmu maʼ oħrajn dwar it-twemmin tagħhom.—2 Slaten 5:1-3; Mattew 21:15, 16; Luqa 2:42, 46, 47.

c Ara s-sezzjoni “Festi u ċelebrazzjonijiet.”

d Xi ismijiet ġew mibdulin.